Select Page

Reuters għadha kif irrappurtat kif dalghodu l-Ewropa ħadet daqqa ta’ ħarta kbira hekk kif il-prezzijiet tal-gass Ewropej sparaw il-fuq sa 30%, filwaqt li l-munita Ewro ħadet l-ikbar tisbita f’dawn iż-żewġ deċennji, wara li r-Russja qalet li wieħed mill-pipelines ewlenin tagħha għall-provvista tal-gass lejn l-Ewropa se jibqa’ magħluq għal żmien indefinit. Dan kompla jqajjem biżgħat dwar in-nuqqas u r-razzjonar tal-gass fl-Unjoni Ewropea din ix-xitwa.

Is-suq fetaħ b’żieda fil-prezz tal-gass li jilhaq sa 272 euro għal kull megawatt fis-siegħa (MWh), dan wara li r-Russja qalet li ħsarat fit-tagħmir tal-pipeline Nord Stream 1 se jwassal biex jibqa’ magħluq wara l-waqfien tal-manutenzjoni ta’ tlett ijiem il-ġimgħa li għaddiet.

Il-botta u risposta bejn l-Ewropa u r-Russja għal dak li qed jiġri tkompli għaddejja. Fil-fatt l-Ewropa akkużat lir-Russja li qed tuża l-provvisti tal-enerġija bħala ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet tal-Punent imposti fuq Moska minħabba l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna. Ir-Russja min-naħa l-oħra qed tgħid li l-Punent nieda gwerra ekonomika u s-sanzjonijiet fixklu l-operazzjonijiet tal-pipeline.

Apparti minn hekk, rotta ewlenija oħra fejn il-gass Russu qed jiġi fornut mill-Ukrajna, tnaqqas ukoll, u ħalliet l-UE tiġri biex issib provvisti alternattivi biex timla l-faċilitajiet tal-ħażna tal-gass għax-xitwa. Diversi stati wasslu għal pjanijiet ta’ emerġenza li jistgħu jwasslu għal razzjonar tal-enerġija u jgħollu l-prospetti għal riċessjoni.

Fuq il-paġna ta’ facebook tiegħu, l-ekonomista Clint Flores qasam ir-reazzjoni tiegħu għal dak li qed jiġri madwar l-Ewropa u kif qed tiġi milquta b’mod ikrah. Huwa tefa dubju dwar kif l-Ewropa marret għal gwerra mingħajr ma kienet ippreparata.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks