Select Page

Għalkemm ilha ‘l fuq minn sena li ħallietna, Raffaella Carrà baqgħet ħajja fil-qlub ta’ ħafna nies, u dan jidher fil-binjiet li ngħataw isimha u fil-programmi televiżivi li ttellgħu ad memoriam tagħha.

Fil-fatt biex tiġi ċċelebrata il-ħajja ta’ din ix-‘showgirl’ emblematika, Pjazza f’Madrid ġo Spanja, ix-xatt ta’ Bellaria u ċ-Ċentru ta’ Pruzzjoni Rai f’Via Teulada ngħataw l-isem ta’ Raffaella.

Però issa, il-memorja ta’ Carrà ser titla’ skalun ieħor, dan għall-fatt li s-sena d-dieħla, il-wiċċ ta’ din l-artista ser jibda jidher fuq il-munita taż-2 ewro.

Dan tħabbar mill-konduttur Fabio Canino, waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb tiegħu ‘Raffabook’. Din il-munita mhux ħa tkun oġġett ta’ kollezzjoni, iżda munita kommemorattiva reali, tat-tip li l-pajjizi tal-Unjoni Ewropea jistgħu joħorġu “biex jikkommemoraw anniversarji ta’ ġrajjiet storiċi jew biex jenfasizzaw ġrajjiet kurrenti ta’ importanza partikolari’. Għalhekk, mill-2023 jista’ jagħti l-każ li fil-kartiera tiegħek ser ikollok munita taż-2 ewro b’wiċċ Carrà fuqha.

Raffaela Carrà li kienet kantanta, żeffiena, preżentatriċi tat-televiżjoni, u attriċi Taljana, tibqa’ magħrufa għall-ispettakli televiżivi tagħha bħal ‘Canzonissima’ u ‘Carràmba! Che sorpresa’.

Però, huwa impossibli li tinsa l-kanzunetti tagħha li għamlu suċċess mhux biss f’Italja, imma f’kull rokna tad-dinja. Fost il-kanzunetti poplari tagħha nsibu, ‘Ma che musica maestro’, ‘A far l’amore comincia tu’, ‘Tanti Auguri’ u ‘Tuca Tuca’.

Raffaela Carrà tibqa’ meqjusa bħala r-reġina Taljana, maħbuba minn kulħadd, li t-tbissima tagħha affaxxinat ġenerazzjonijiet ta’ Taljani u Maltin!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks