Zahra Sedighi-Hamedani ta’ 31 sena u Elham Choubdar ta’ 24 sena ngħataw is-sentenza tal-piena tal-mewt fil-Qorti Rivoluzzjonarja tal-belt ta’ Urmia. Fil-fatt bħalissa huma qed jinżammu fis-sala tan-nisa tal-Ħabs Ċentrali ta’ Urmia.
F’Jannar, huma ġew akkużati li ‘xxerrdu l-korruzzjoni fuq l-art’ billi ‘ppromwovu l-omosesswalità’, ‘komunikazzjoni ma’ mezzi tal-midja kontra r-Repubblika Iżlamika’ u ‘promozzjoni tal-Kristjaneżmu’ mill-prosekuturi’.
Din l-aħbar qajmet rabja kbira u għajb enormi fuq l-internet, tant li diversi nies fosthom avukati u gruppi li jaħdmu għad-drittijiet użaw il-pjattaforma tal-midja soċjali biex jipprotestaw favur l-innoċenza taż-żewġ nisa.
Shadi Amin, residenti fil-Ġermanja, u li bħalissa hija waħda mill-koordinaturi tal-‘Iranian Lesbian Network’ (6 Rang), hija waħda mill-ħafna, li qed tipprotesta favur l-innoċenza tagħhom. Fil-fatt hija qalet li “hija l-ewwel darba li mara ġiet ikkundannata għall-mewt fl-Iran minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha. Aħna nitolbu pressjoni mill-Ġermanja u gvernijiet barranin oħra fuq l-Iran għall-ħelsien taż-żewġ nisa.”
Nittamaw li dawn il-protesti u din il-pressjoni jservu għal xi haġa u jwasslu għall-ħelsien ta’ dawn iż-żewġ attivisti.
Infakkrukom li matul dan ix-xahar il-gżejjer Maltin qed jiċċelebraw Pride Month. Fil-fatt, ftit ġranet ilu ġiet organizzata l-ewwel Gay Pride ġewwa Għawdex, fejn għaliha kien hemm attendenza sabiħa.
