Select Page

Illum, it-8 ta’ Settembru huwa l-jum li aħna l-Kattoliċi niċċelebraw it-twelid ta’ Ommna Marija, magħrufa sew magħna l-Maltin bħala ‘Il-Bambina’. Se jsiru erba’ festi popolari madwar il-gżejjer Maltin, li jinkludu l-Mellieħa, in-Naxxar, l-Isla, u x-Xagħra Għawdex. Għalhekk, dawk minnkom interessati li tiċċelebraw din il-festa, inħeġġukom iżżuru wieħed minn dawn l-irħula sbieħ.

Kontu tafu li hawn Malta għandna knisja ċkejkna ddedikata għat-twelid tal-Madonna?! Din tinsab f’waħda mill-akbar bliet residenzjali f’Malta, Ħal Qormi. Din il-knisja żgħira hija magħrufa ma’ ħafna bħala ‘Tal-Vitorja’, però lura fiż-żminijet kienu jsejħulha wkoll bħala ‘Tal-Fuqqanija’.

F’din il-knisja żgħira b’ħafna sbuħija nsibu statwa ċkejkna ta’ Ommna Marija tarbija. L-ewwel ħaġa li tolqtok f’din l-istatwa huwa d-daqs ċkejken tagħha flimkien mal-għajnejn kbar u żoroq tagħha. Din il-meravilja ta’ statwa hija mżejna b’damask dehebi mdawwar bi fjuri sbieħ magħmula bil-ganutell.

Bħal kull knisja f’Malta, din il-knisja tiċċelebra wkoll il-festa tagħha. Fil-fatt il-festa ta’ Marija Bambina ġewwa Ħal Qormi sseħħ fl-ewwel Ħadd fuq it-8 ta’ Settembru. Wara l-quddiesa solenni ta’ filgħaxija ssir festa fil-Pjazza tal-Vitorja mill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri.

Allura x’qed tistenna?! Jekk inti mħajjar li tara din it-tarbija ċkejkna ta’ Sidtna Marija u għandek aptit ta’ ċelebrazzjoni b’ħafna briju, nissuġġerulek li nhar il-Ħadd li ġej taqbeż qabża sa’ Città Pinto!

Vivà Marija Bambina! Vivà l-Vitorja!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks