Select Page

Il-karattru ta’ Peppa Pig huwa bla dubju wieħed mill-aktar annimali tal-kartuns popolari u maħbuba fid-dinja, inkluż f’pajjiżna.

Forsi mhux ta’ b’xejn, allura, li d-deċiżjoni tal-programm li jintroduċi l-ewwel koppja tiegħu tal-istess sess qajmet kontroversja.

Waqt episodju bl-isem ta’ Familji, li xxandar għall-ewwel darba nhar it-Tlieta fuq Channel 5 fir-Renju Unit, fejn isir Peppa Pig, il-karattru eponimu ġie introdott lill-ommijiet ta’ Penny Polar Bear.

Waqt li tpinġi ritratt tal-familja tagħha, Penny spjegat: “Ngħix mal-mummy tiegħi u mal-mummy l-oħra tiegħi. Mummy waħda hija tabib u mummy waħda issajjar l-ispagetti.”

Il-programm, maħluq mill-animaturi Ingliżi Mark Baker u Neville Astley, ilu għaddej mill-2004. Din hija l-ewwel darba fl-istorja tiegħu ta’ 18-il sena li dehret koppja tal-istess sess.

Dan seħħ sentejn wara li nħolqot petizzjoni fuq websajt ibbażata fl-Istati Uniti, li titlob “familja ta’ ġenitur tal-istess sess fuq Peppa Pig”. Hija ġabret kważi 24,000 firma.

L-argument ta’ min ħoloq il-petizzjoni kien li t-tfal li jaraw Peppa Pig ikunu f’età li faċli jimpressjonaw ruħhom. “L-esklużjoni tal-familji tal-istess sess se tgħallimhom li l-familji b’ġenitur wieħed jew b’żewġ ġenituri ta’ sess differenti huma biss normali.”

Robbie de Santos, direttur tal-komunikazzjonijiet u l-affarijiet esterni fl-għaqda tal-karità tad-drittijiet tal-LGBT Stonewall qal li ħafna minn dawk li jaraw il-programm għandhom żewġ ommijiet jew żewġ missirijiet huma stess u se jkun ifisser ħafna għall-ġenituri u t-tfal li l-esperjenzi tagħhom qed jiġu rappreżentati fuq programm daqshekk ikoniku għat-tfal.

M’għandniex xi ngħidu, din id-deċiżjoni qajmet kontroversja bejn dawk li jaqblu u dawk li assolutament ma jaqblux.

Int x’taħseb dwar dan? X’inhi l-opinjoni tiegħek?

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks