Select Page

Nitkellmu ma’ Chanelle Cardona

Min hi verament Chanelle Cardona?

Mela, min hi Chanelle? Għadni nipprova niskopri min hi sal-lum il-ġurnata però nħoss li jien persuna kwieta u mistħija sakemm inkun komda mbagħad hemmhekk joħroġ il-karattru tiegħi, li nħobb ngħin u li nipprova dejjem li nista’ biex nara li ħaddieħor kuntent. Il-passjoni tiegħi hija bla dubju d-drama. Bħalissa studenta tat-tieni sena ġewwa l-Università ta’ Malta biex insir infermiera. Fil-ħin liberu tiegħi nħobb nara sensiliet u films kif ukoll inqatta’ l-ħin man-nies l-iktar importanti f’ħajti.

L-għarus tiegħek, Randell Pace, jieħu sehem miegħek ukoll fis-serje Ulied il-lejl. Kif tara dan, tarah bħala vantaġġ peress li qed tirreċta parti mir-realtà? Jew skomdu li r-realtà tal-ħajja qiegħda mħalta fid-drama?

Il-fatt li kelli x-xorti naħdem xeni hekk mal-għarus tiegħi stess kien vantaġġ kbir għalija u dan għax is-serje li qed naħdmu fiha, fiha ċerti xeni li importanti ħafna li tkun komdu fihom u jien u hu dejjem ħloqna ambjent komdu għal xulxin u forsi hawn xi atturi oħra li sfortunatament għaddew minn esperjenzi koroh fejn jidħlu xeni ta’ dan it-tip. Ovvjament ħadna pjaċir naħdmu u nitgħallmu iktar flimkien dwar din l-industrija.

Tara li d-drama għalik hija xi ħaġa temporanja, jew tixtieq li tkun karriera tul ħajtek?

Kemm tweġġagħli qalbi dil-mistoqsija … Nixtieq li nista’ ngħid li d-drama tista’ tkun karriera tul ħajti però kif nafu, Malta qegħdin, u sfortunatament kull min qiegħed f’din l-industrija tal-arti jaf kemm hi diffiċli biex tikkunsidraha bħala karriera. Forsi vera qed isir progress mas-snin imma naraw fil-futur. Allavolja mhijiex faċli, id-drama xorta hija xi ħaġa li nixtieq inkompli għaddejja biha ghas-snin li ġejjin, inħoss li hemm ħafna iktar karattri li nixtieq nesperimenta bihom u anke nitgħallem iktar.

Kieku jkollok tagħżel karattru f’xi drama għalik innifsek, dan x’karattru jkun? U għalfejn?

Dejjem xtaqt naħdem karattru li hu għaddej minn battalja ta’ saħħa mentali u kif jaġixxi ma’ dawk ta’ madwaru. Nixtieq nidħol fiż-żarbun ta’ persuna li qed tbati b’dan il-mod forsi b’hekk inkun nista’ nifhem iktar.

Fejn ser inkunu qed naraw lil Chanelle mill-iskeda l-ġdida?

Il-proġett li jmiss huwa t-tieni sensiela ta’ Ulied il-Lejl fejn ħa nkomplu naraw kif ħa tkompli tiżvolġi l-istorja matul is-snin fuq Net tv.

Sezzjoni Vi jew Va

Serje jew Film

Serje

Ktieb jew e-Book

Ktieb

Sajf jew Xitwa

Sajf

Filgħodu jew Filgħaxija

Filgħaxija

Kelb jew Qattus

Kelb

Iċċempel jew tibgħat messaġġ

Nibgħat messaġġ

Instagram jew Facebook

Facebook

Tonfoq jew Tfaddal

Nonfoq

Torqod fuq ix-xellug jew fuq il-lemin tas-sodda

Xellug

Te jew Kafè

Te

Iced Coffee jew Kafè jaħraq

Iced Coffee

Pizza jew Burger

Pizza

Għaddi messaġġ għall-udjenza ta’ Skoperta.

Ħudu ħsieb lil ta’ madwarkom u qatt tieħdu xejn ‘for granted’.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks