Select Page

Minn meta Ruth Frendo, id-direttur u l-kittieba tad-drama l-ġdida Iċ-Ċavetta ta’ Pandora, ħarġet l-ewwel informazzjoni dwar din is-sensiela l-ġdida fuq il-paġni ta’ Facebook tagħha, ħafna dehru għatxana biex ikollhom iktar tagħrif.

Għalhekk illum intervistajna b’mod esklussiv lill-atturi prinċipali li se jaħdmu fid-drama, Claire Marie Busuttil u Clayton Pace. Huma żvelaw liema kienu x-xeni favoriti tagħhom u għaliex jemmnu li din is-sensiela se tkun suċċess kbir, fost l-oħrajn

X’jismu l-karattru li se tkun qed tinterpreta u kif tiddeskrivih?

Claire Marie: Il-karattru tiegħi jisimha Kylie. Hi mara li minn barra tidher mara pjuttost normali, miżżewġa u mażbuba. Imma b’differenza li għandha abbilità speċjali u rarissima… L-abbiltà li tara l-paranormal. Hi persuna simpatika u iżjed soċjali paragonata ma’ żewġha. Għandha qalba kbira u hi sensittiva ħafna. Ikun minħabba f’hekk li tispiċċa tagħmel ix-xogħol ta’ investigatriċi paranormali. L-għan tagħha jkun li tgħin lill-ispirti li mhumiex mistrieħa u b’hekk tkun tista’ wkoll ittaffi ftit mill-uġigħ tal-familji li jkunu ħallew warajhom. Għalkemm Kylie tgħin lil ħafna nies u toffri pariri siewja, issibha bi tqila biex imbagħad tieħu l-pariri tagħha stess.

Clayton: Il-karattru tiegħi jismu Vincent. Persuna ngħidulu aħna, ‘ta’ wara l-kamera’ bejn għax veru xogħlu hu ta’ camera person, u bejn għax hu aktar kwiet minn martu Kylie. Narah bħala ftit introvert. Jista’ jkun ukoll minħabba dak li għadda minnu fil-passat mhux daqsekk ’il bogħod… Passat li intom it-telespettaturi ser tibdew tgħixu magħna dalwaqt!

X’għandu simili tal-karattru reali tiegħek?

Claire Marie: Kylie hi simili ta’ Claire għax anke jien nħobb ngħin ħafna. Kważi kważi naqra wisq xi kultant. Għax meta tagħti ħafna, issib min jieħdok ‘for granted’ u tispiċċa iżjed suxxettibbli għall-uġigħ.

Clayton: It-tnejn li aħna rġiel ta’ familja. Meta kont ninterpreta dan il-karattru, kont inħossha din ir-responsabilità u dan id-dmir ta’ missier u raġel. Apparti minn hekk, avolja f’sezzjoni differenti, it-tnejn li aħna naħdmu fil-midja.

U x’għandu differenti?

Claire Marie: Naħseb fil-verità għandna iżjed differenzi milli similaritajiet. Nibdew bil-fatt li jien m’għandix abbilità paranormali. Għalkemm naħseb li bħal ħafna, taffaxinani l-idea. Barra minn hekk, jien la jien miżżewġa u lanqas għandi tfal. Allura, trid iddaħħal fik is-sens ta’ stint matern, li jekk qatt ma kont omm, tista’ tkun naqra sfida. Imma kelli muża… lill-għażiża oħti. Lil oħti naraha persuna fenominali. Għandha impjieg full-time, għandha attività tagħha oħra li trid issegwi, għandha żewġt itfal li trid tieħu ħsieb, kif ukoll trid teħodhom f’attivitajiet kurrikulari extra, liema attivitajiet huma ta’ kuljum. Ma’ dan kollu, ovvajment trid tlaħħaq ukoll max-xogħol tad-dar u l-problemi li jinqalgħu ta’ kuljum. Nista’ ngħid li għalija oħti hi ‘Superwoman’! Għalhekk għenitni ħafna biex nifhem il-karattru ta’ Kylie, u finalment insir Kylie. (Grazzi ħafna lil oħti tal-ispirazzjoni. Inħobbok sis!)

Clayton: Sfortunatament Vincent għadda minn ħafna. Ftit taż-żmien ilu, kellu esperjenza li kisritu. Iżda fl-istess ħin, anki għax forsi l-ħajja ma tagħtikx ċans, irnexxielu jkompli b’xogħlu u jiffaċċja dak kollu li l-ħajja wadbitlu. Anki jekk minn ġewwa jkun imkisser. Bħala Clayton ma nistax ingerger b’ħajti. Qiegħed ngħix dak kollu li ħlomt meta kont iżgħar.

Mingħajr ma tiżvela ħafna, hemm xi xena li żgur li qatt mhu se tinsa? Għaliex?

Claire Marie: Diffiċli għax kważi kull episodju fih dik ix-xena partikolari li għoġbitni ħafna. Imma jekk ikolli nagħżel, insemmi x-xeni tal-istorja tal-Bighi (episodju numru 12). Kif ukoll ix-xeni mal-attriċi Holly Micallef, li ħadmitha ta’ binti. Huma xeni sbieħ wisq.

Clayton: Bħala Vincent l-aħħar xena… kienet wisq emozzjonali. Nixtieq ħafna li kieku nista’ niżvela, imma ma nistax! Hemm xena partikolari fejn tidħol l-imħabba tal-familja, ninsab ċert li la jarawha t-telespettaturi ser iħossu l-istess. Dan għax għall-Maltin, din l-imħabba familjari tfisser kollox għalihom. Imbagħad bħala Clayton hemm ħafna. Dan għax inħossni privileġġjat li rnexxieli nżur bosta siti storiċi, li l-pubbliku ser ikollu wkoll ix-xorti li jsegwi magħna waqt din is-serje.

X’inhu l-messaġġ tiegħek għat-telespettaturi li se jaraw is-sensiela?

Claire Marie: Għal min qiegħed jaħseb li hu tal-biża’, toqogħdux tinkwetaw. Mhuwiex! Hu magħmul biex il-familja tarah flimkien. Ovvjament jekk ħa thallu t-tfal jarawh, l-aħjar li tarawh magħhom. Imma nemmen li ser tkun drama interessanti u ħelwa ħafna, u naħseb li ser tintlaqa’ tajjeb mill-Maltin. Ma nistax ngħid iktar, għax inkella niżvela żżejjed.

Clayton: Nafu kemm is-serje televiżivi hawn Malta huma maħbubin mat-telespettatturi. F’dawn l-aħħar snin rajna wkoll ħafna xogħol tajjeb minn diversi produtturi lokali. Iċ-Ċavetta ta’ Pandora, apparti li hu veru progett tajjeb, hu differenti minn dak kollu li rajna matul dawn l-aħħar snin. Ser ngħixu l-paranormali, suġġett li jinteressa lil kulħadd. Minbarra hekk, għandu wkoll l-ingredjenti li kull ammiratur tas-serje Maltija ikun qed jistenna… kurżità, sorpriżi, weġgħat, sigrieti, misteri u l-famuża mħabba fost l-oħrajn.

Iċ-Ċavetta ta’ Pandora se jibda jixxandar mit-30 ta’ Settembru kull nhar ta’ Ġimgħa fid-21:00 fuq ONE. Il-produzzjoni hi Pro.Motion Limited, filwaqt li dan il-proġett hu megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks