Ilbieraħ kien il-jum iddedikat għall-prevenzjoni mis-suwiċidju. Kulma jmur, persuni ta’ fama lokali qed jikxfu r-realtà ta’ bosta minna; problema ta’ saħħa mentali.
Frank Zammit, il-maniġer u dj tal-istazzjon Vibe FM, qasam dak li għadda minnu fix-xhur li għaddew.
Huwa qasam kif f’Lulju li għadda, f’lejl minnhom, kien se jtemm ħajtu.”Matul il-lejl ta’ bejn it-2 u 3 ta’ Lulju, kont irrassenjat u ntemm kollox…. Fl-4 ta’ Lulju dħalt on-air nipprova naġixxi normali. Qed nikteb dan illum mhux biex titħassruni. Jiena ffortunat li għandi familja u ħbieb li nista’ ndur lejhom kemm-il darba li jkolli bżonnhom.”
Frank ma waqafx hemm imma qed jistqarr li qed jingħata l-għajnuna meħtieġa.”Qed ningħata l-għajnuna li għandi bżonn u għalkemm dan huwa proċess qed immur għall-aħjar ma’ kull ġurnata li tgħaddi.”
Sfortunament għad hawn stigma lejn is-saħħa mentali u l-problemi tagħha. Dan għarfu Frank u sostna l-bżonn li jsir xi ħaġa. “Qed nikteb dan, minħabba li l-istigma trid tieqaf u xi ħaġa trid issir. Għajejt nidħak u nxejjer meta ma nkunx okay. Jiena rrid inkun f’pożizzjoni li naqsam l-emozzjonijiet tiegħi ma’ ta’ madwari mingħajr ma nibża’ li l-vulnerabbiltajiet tiegħi jintużaw kontrija.”
Qal li ħafna għaddejjin minn dan il-mument imma qed jinjorawha. “Id-dinja qisha qed tgħhaddi minn mument ta’ kollass. Bosta qegħdin fuq l-istess dgħajsa imma nsibuha iktar faċli li ninjorawha. Allura hawn hi, dan huwa jien u mhux dejjem inkun okay. Issa x’se nagħmlu dwar dan?
Għall-għajnuna kkuntattja lil Richmond Foundation fuq 1770.

Gradwata b’B.A fil-Malti u b’ċertifikat fil-qari tal-provi.
Ilha ‘l fuq minn 5 snin taħdem bħala producer u kittieba ma’ WE Media LTD. Kienet ukoll maniġer u producer tal-iktar programm segwit f’Malta Xarabank.
Qabel kienet ġurnalista u xandara ma’ Newsbook.com.mt u Bay Radio.
Il-passatempi tagħha huma l-qari u n-Netflix.