It-tensjoni ta’ kulħadd kienet tinħass fl-arja.
“Dak li se jinterpreta l-parti tal-famuż John Pearson intagħżel……” semgħu leħen dik it-tfajla ftit wara hekk kif kulħadd kien lest mill-prova tiegħu.
Qam bilwieqfa.
Is-skiet kont taqtgħu b’sikkina.
Min jiġbed kemmkemm il-qalziet, min jagħti b’siequ b’mod nervuż, min iberraq għajnejh, min b’xofftu t’isfel migduma…….u kulħadd kien jidher xi ftit aġitat.
Imma hu kien jaf.
Kien ċert.
Żgur hu kien se jintagħżel! Ma jistax ikun li le!
U dawk il-flus…………
Dawk kellu bżonnhom.
Ftakar f’wiċċ Moira eżatt malli kien se jgħidilha li ħa l-parti!
“Dak li ntagħżel għall-parti tal-famuż John Pearson hu…………….” bdiet tgħid.
Tensjoni.
Skiet.
Riħa t’għaraq imħallta ma’ dik tas-sala.
Tferfir.
“Chris Matthews………”
U ħares lejn naħa tas-sala minfejn kien ġej xi għajat u storbju ta’ dak li ntagħżel.
Ma kienx intagħżel hu!
Bla ma qagħad jistenna, telaq iħaffef ‘il barra!
Il-ġakketta nesieha warajh!
Ġera lejn il-karozza bla nifs.
Daħal fiha u bla ma qagħad jerġa’ jaħbi wiċċu, saq lejn il-bar fejn kien ikun hemm sħabu.
Neża l-ingravata, il-ġlekk u ħall il-buttuni tal-qmis. Reġa’ ħabbel xagħru hekk kif kien iħobb jagħmlu meta ma kienx ikun qed ikanta.
Il-prova.
Ma kienx intagħżel hu.
X’ironija.
Kemm huma taċ-ċajt, beda jaħseb.
U hekk malli daħal fil-bar favorit tiegħu, rahom hemm. Sħabu.
“Ejja ‘l hawn qalulu!”
U bdew iqassmu x-xorb bejniethom.
Dak il-ħin daqqlu l-mowbajl.
“John!” qaltlu Moira, l-aġent tiegħu bl-leħen aġitat. “Intagħżel l-attur!”
“Eħe?” weġibha taparsi ma jaf xejn.
“Iva! Intagħżel l-attur li se jinterpreta l-parti tiegħek John! Issa b’dan il-film fuqek, ser issir aktar famuż Sur Pearson!”
John Pearson daħaq waħdu, ħa bela’ xorb u qata’ l-linja.
Ma kinux għażlu lilu.
Kienu għażlu lil ħaddieħor għall-parti tiegħu stess!

Avukata u Awtriċi