Aktar kmieni llum fuq il-paġna tagħha, id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti, qalet li għadha ma rkupratx.
Stqarret li qatt f’ħajjitha ma ħasset daqshekk uġigħ jew għaddiet minn mumenti daqshekk stressanti daqs dawn l-għaxart ijiem li ilha l-isptar.
Madankollu, qalet li għalkemm hija minn dejjem kienet persuna li tapprezza kollox, issa aktar minn qatt qabel għandha aptit tgħix u tapprezza lil kull min tħobb u kull ħaġa sabiħa li għandha, anki jekk sempliċi.
Janice Chetcuti daħlet l-isptar wara li żviluppatilha infezzjoni minn influwenza, li wasslitha wkoll għal operazzjoni.
Fil-post tagħha, Janice faħħret lill-istaff ta’ Mater Dei għall-kura u l-attenzjoni li qed tingħata, fi kliemha, b’mod eċċezzjonali.
Filwaqt li rringrazzjat lil kulħadd tal-messaġġi, it-talb u l-fjuri, qalet li għadha ma tistax twieġeb it-telefonati minħabba li n-nifs għadu mhuwiex tajjeb ħafna u allura għadha ma tistax titkellem sewwa.
“Ma jimpurtax, tasal il-ġurnata li nħares lura u ngħid għaddiet. Sadanittant M’għandkomx idea kemm napprezza il-kuraġġ li kontinwament qed ittuni.“
Fi ħsibijietna!
