Select Page

Filwaqt li jista’ jkun hemm ftit nies fid-dinja li ma jħobbux iċ-ċikkulata, għal ħafna ċ-ċikkulata hija meqjusa bħala waħda mill-itjeb ħlewwiet li jeżistu, saħansitra għal xi wħud titqies bħala ossessjoni.

Huwa fatt interessanti li l-pjanti taċ-ċikkulata aktarx ilhom fuq din l-art sa mill-bidu tal-istorja. Iżda kien biss madwar 4000 sena ilu li n-nies Olmec tal-Mesoamerika (tal-Messiku) bdew jibdlu l-fażola tal-kawkaw f’xarba. Dak iż-żmien li tixrob iċ-ċikkulata kienet ikkunsidrata rari u speċjali fl-istess ħin għaliex kienet tintuża f’ritwali kulturali, kif ukoll għal skopijiet mediċinali.

Maż-żmien, il-fażola tal-kawkaw żdiedet fl-importanza tagħha tant li bdiet tintuża bħala munita ta’ valur għall-kummerċ, mill-Aztecs u l-Mayans. Kien biss fis-seklu 16 liċ-ċikkulata sabet ruħa fl-Ewropa.

Kontu tafu li għalkemm il-kawkaw oriġina fl-Amerika Latina, huma l-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent, partikolarment il-Kosta tal-Avorju u l-Għana, il-produtturi ewlenin tal-kawkaw tas-seklu 21?

Hawn diversi tipi ta’ ċikkulata: white, dark u milk chocolate, u hawn min iħobbha bi ftit essenza tal-larinġ jew tal-frawli.

Bilħaqq, ma nistgħux ma nsemmux iċ-ċikkulata tal-ġellewża u dik tal-minta. Insomma, din l-imbierka ċikkulata għandha togħma tant bnina li tagħmilha mal-iktar ħelu popolari fid-dinja.

Bħal ma tafu, jeżistu ħafna oġġetti tal-ikel li jinvolvu ċ-ċikkulata, partikolarment deżerti, bħal kejkijiet, pudina, mousse, brownies u cookies taċ-ċikkulata. Ħafna ħelu huma mimlija jew miksija biċ-ċikkulata ħelwa bħal figolli!

Tinsewx li “ċ-ċikkulata hija l-kuntentizza li tista’ tiekol” – Ursula Kohaupt

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks