Select Page

Raġel ta’ 51 sena, li joqgħod Ħal Qormi, ġie mmultat €58 wara li nstab ħati li sentejn ilu inġurja u hedded lil martu waqt li kellhom xi jgħidu.

Skont ma ġie rrappurtat fuq tvmnews, fil-qorti ħareġ li r-raġel hedded lil martu fi tliet argumenti separati. Fost it-theddid, ħareġ li b’referenza għat-tifel il-kbir, qalilha li se jitfagħhulha frankuni u kif ukoll “nirraħ imut jitkaxkar bil-mutur.” Żiedet ukoll dakinhar għamlilha ċerti mossi b’idejh li għaliha kienu jfissru li kienet se jitfagħha f’siġġu tar-roti. Dan wara li nqala’ argument u allegatament akkużaha li kienet tiġri mal-irġiel.

It-tieni argument inqala’ meta r-raġel kien qed isajjar u l-mara dehrilha li l-fjamma kienet għolja wisq u seta’ jaħraq l-ikel. F’argument ieħor, il-mara xehdet li żewġha heddida li se joqtol lil ommha.

Dan kollu seħħ waqt li l-koppja kienet għaddejja mill-proċess tas-separazzjoni.

Min-naħa tiegħu, ir-raġel qal li huwa għex l-aħħar 4 snin ta’ żwieġ bħal priġunier ġo daru għax skont hu, it-tifel kien jikkmanda kollox. Qal ukoll li meta nqalgħu l-argumenti, il-mara kienet qed tipprovokah.

Tvmnews irraporta wkoll li minn recordings li nstemgħu fil-qorti, li l-mara stess irrekordjat bil-mobile, il-maġistrat innotat li t-tim ta’ leħen il-vittma ma kienx juri li kienet qed tibża’, u ġie konkluż li l-argumenti tqajmu apposta biex tipprovoka lir-raġel.

Għal din ir-raġuni, ir-raġel instab ħati biss li fl-argumenti inġurja u hedded lil martu.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks