Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Alex Borg, esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar il-fatt li l-gvern se jibda jgħin finanzjarjament lill-persuni li jkunu jridu jagħmlu l-operazzjoni biex ibiddlu l-ġeneru tagħhom.

Id-deputat Alex Borg qal li jieħu gost jara tant avvanzi ‘l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunità LGBTIQ+ ta’ pajjiżna għax fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll aħwa Maltin, iżda skont hu rridu nkunu realistiċi wkoll.

Filwaqt li qal li huwa tajjeb ħafna li flus għat-tibdil tal-ġeneru hemm, Borg staqsa kif m’hemmx flus għall-kura tal-fibromyalgia u l-ispejjeż li ġġorr magħha.

Huwa qal ma jistax jifhem kif lill-persuni li huma mikulin bl-uġigħ 24/7 bil-fibromyalgia u aktar kundizzjonijiet li ġġib magħha, il-gvern jgħidilhom li m’hemmx flus biżżejjed.

“Prim Ministru, l-ewwel li rridu ngħinu huma l-persuni li għaddejjin minn dan l-uġigħ kollu. Dawn għandhom bżonn speċi ta’ ‘voucher’ fix-xahar biex jixtru l-mediċina u jużaw pixxini u fiżjoterapisti tal-għażla tagħhom. Ma jistgħux joqogħdu jistennew appuntament tal-Isptar fit-tul għax l-isptar mgħobbi ħafna. Nisperaw li f’dan il-baġit ma tinsihomx.”
Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg

“Tkomplix tagħżel it-triq tal-populiżmu imma ejja mmorru għat-triq tas-sens komun fejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu jgawdi ugwalment u mhux parti biss tas-soċjetà,” ikkonkluda Alex Borg.

Il-Prof. Andrew Azzopardi rreaġixxa b’mod qawwi kontra dak li tenna d-deputat Nazzjonalista Alex Borg.

F’post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, il-Prof. Andrew Azzopardi qal li din hi r-raġuni li għandu nostalġija għall-politiċi tal-passat

“X’raġunament hu dan. Fejn hi l-loġika! Kif titkejjel it-tbatija skont int? Kif qed takkuża lill-PM li ddeċieda hekk meta inti qed tagħmel l-istess ħaġa? U jekk il-PM huwa popolist, inti x’tissejjaħ? U minn meta rridu nagħżlu tbatija minn oħra meta qed narmu l-liri fil-ħela u nistgħu niddiljaw mat-tnejn jew aħjar mal-mitt issue soċjali li għandna?”
Prof. Andrew Azzopardi

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks