Select Page

Nhar il-Ġimgħa se ssir attività biex tiġi mfakkra Loujin, tifla ta’ erba’ snin li mietet bil-għatx fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta.

Din l-attività ħa tibda fis-6.30 u titlaq minn quddiem il-Kappella ta’ San Liesse, il-Port il-Kbira, ġewwa l-Belt Valletta.

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti, filwaqt li ħabbru d-dettalji ta’ din l-attività, sostnew li din it-tifla mietet bil-għatx minħabba li l-awtoritajiet ma ħadu ebda azzjoni.

Sostnew li sar iż-żmien li din il-politika tieqaf.

Wasal iż-żmien li tieqaf din il-politika ta’ deprevazzjoni u brutalità fuq in-nies l-aktar vulnerabbli.

Wasal iż-żmien li tieqaf din il-politika li jiġi rrifjutat id-dritt għall-ażil.

Wasal iż-żmien li tieqaf din il-politika li ddewem l-operazzjonijiet tas-salvataġġ.

Wasal iż-żmien li tispiċċa għal dejjem din il-politika li tibgħat lin-nies lura lejn żoni ta’ gwerra u kampijiet tad-detenzjoni fejn ta’ spiss jiġu ttorturati.

Wasal iż-żmien li din il-politika li qatlet tifla ta’ erba’ snin fil-baħar, u tfal oħra, tintemm issa.

Dwar dan il-każ tkellmu diversi nies fosthom il-President Emeritus u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca.

Għidli x’jibqa’ fik meta tara ritratt bħal dan! Din Loujin. Loujin tifla ta’ 4 snin li mietet bil-għatx f’idejn ommha, waqt li kienu qed jisperaw għal futur aħjar. Tifla li setgħet kienet binti, in-neputija, it-tifla tal-kuġina, tal-ġara, qariba, jew ħabiba. Setgħet kienet tiegħek. Għalija dan ir-ritratt jirrappreżenta l-inġustizzja kontra dawk li għandhom dritt daqsi jgħixu fil-paċi u mhux fil-gwerra. Kemm jien iddispjaċuta li pajjiżna ġie msemmi ma’ dawk il-pajjiżi li ħallew din it-tifla tmut kiesaħ u biered. Għaliex? Għaliex il-ħajja saret daqshekk mingħajr valur? Għaliex?

Tkellem ukoll il-ġurnalist u l-opinjonista Peppi Azzopardi li lbieraħ qal li għandu jsir monument għal din it-tifla.

Qed nipproponi li jsir monument għal Loujin, tifl ta’ 4 snin li mietet bil-għatx meta ħallewha disat ijiem bejn sema u ilma fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta. Tlabt lil sieħbi, l-artist Ġorġ Maltia biex jagħmel xbieha artistika ta’ dan il-monument … u hawn hu. Monument li jibqa’ jniggeż il-kuxjenza tagħna l-Maltin.

U tkellem ukoll l-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna li l-Ħadd li għadda fil-bidu tal-omelija tiegħu sellem il-memorja ta’ din it-tifla. Waqt it-talb tal-fidili talab għall-persuni li għerqu fil-Baħar Mediterran minħabba li s-salvataġġ wasal tard, kif ukoll għall-vittmi tal-gwerer u għall-vittmi tal-inġustizzja.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks