Select Page

“Għadhom il-passi jidwu tal-istorja” – Dan huwa l-ewwel vers tal-kanzunetta, Beltin, li ġiet imnedija jumejn ilu, b’dedika lill-Beltin kollha, u l-Belt Kapitali ta’ Malta, Valletta, li fiha nnifisha hija STORJA.

Din il-kanzunetta li hi ferm profonda u patrijottika, hija miktuba mill-pinna ta’ George Peresso, filwaqt li l-mużika hija ta’ Ludwig Galea, li wkoll ikanta din il-kanzunetta flimkien mar-reġina tal-Mużika Maltija, Mary Spiteri, b’arranġament mużikali ta’ Sean Vella.

Kanzunetta li tiġbor fiha dak kollu li l-Belt Kapitali tagħna għaddiet minnu fl-istorja, li ħarġet rebbieħa minn fuq l-għeddewa qerrieda.

Fil-fatt, Beltin hija riflessjoni tal-pjan u l-ħajja storika tal-Belt Valletta għaliex din il-kanzunetta titkellem dwar il-kobor ta’ din il-belt unika, li ġiet imfassla mill-Gran Mastru Jean Parisot De Valette u hija sit ta’ wirt dinji tal-UNESCO u nbniet taħt l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Beltin titkellem fost l-oħrajn dwar l-aspetti ewlenin li jsawruha u anki dwar it-tiġrif tal-Belt Valletta fit-Tieni Gwerra Dinjija u r-reżistenza u l-perseveranza tagħha.

Il-Belt Valletta li hija teżor għal Malta mimlija binjiet uniċi, b’palazzi, teatri u Katidral maestuż, li d-dinja qatt ma rat bħalu. U ma nistgħux ma nsemmux il-briju tan-nies Beltin li jimlew lejl u nhar, b’ferħ kbir il-Belt Kapitali tal-Maltin.

X’qed tistenna mur u ismagħha din il-kapulavur! U kif tkun fiż-żifna idħol u ara il-vidjow mużikali, li f’inqas minn 24 siegħa diġà rawh 15,000 persuna!

Prosit kbira tmur lejn dawk kollha li ħadmu biex aħna stajna nisimgħu u naraw din il-ġawhra ta’ kanzunetta.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks