Select Page

Nitkellmu ma’ Lenies Pace

Min hi  verament  Lenies Pace?

Jisimni  Lenies Pace, noqgħod is-Siġġiewi u għandi 25 sena, xahar ieħor nidħlu għas-26. Naħdem bħala analista ġewwa bank Malti. Miżżewġa lil raġel fitt! U għandi tifel imqareb jismu Noah. Bħala passatempi nħobb ħafna nsajjar, naħseb fil-verità iktar milli passatemp narah bħala xi ħaġa ta’ rilassament wara ġurnata xogħol. Nobgħod ħafna nitwi l-ħwejjeġ… kieku jkun hemm magna li titwi l-ħwejjeġ inkun minn tal-ewwel li nixtriha!

X’ispirak jew min ispirak biex tibda l-karriera tad-drama? Apparti minn hekk, kont tipprattika affarijiet oħra meta kont iżgħar?

Id-drama minn dejjem kont inħobbha, minn mindu kont żgħira kont insegwi sensiliet Maltin bħal Simpatiċi u Gizelle fost l-oħrajn u dejjem kont ngħid li xi darba għad nispiċċa bħalhom. Meta kont żgħira ommi xtaqitni nsir kantanta u kienet teħodni ħafna lezzjonijiet tal-kant, apparti minn hekk kont immur iż-żfin u pjanu. Ironikament l-inqas li ffukatli fuqu (id-drama) kien l-iktar li ħassejt ġibda lejh u l-iktar li ħdimt fuqu.

Kemm hu diffiċli li żżomm il-karriera tad-drama tiegħek filwaqt li jkollok it-tfal żgħar?

Jien bħala Lenies inħossha diffiċli għax onestament inħossni qed nisraq il-ħin li jkolli ma’ ibni meta mmur il-filming. Għandi raġel jagħtini sapport kontinwu, ommi, u l-kunjata l-istess. Però kif għidt qabel, inħossni li qed nitlef ħin prezzjuż, u spiċċajt naqqast il-ħin tal-karriera biex ingawdi aktar il-familja.

X’inhi l-ħolma ta’ Lenies fejn tidħol drama?

Ara fil-ħajja taf kemm taf qatt mhu biżżejjed. Il-ħolma tiegħi hi li nkompli nitgħallem u niskopri iktar fuq id-dinja tad-drama, u li ntejjeb ir-reċtar tiegħi.

Fejn ser inkunu qed naraw lil Lenies mill-iskeda l-ġdida?

Fl-iskeda li jmiss ħa nkun qed nieħu sehem f’serje rinomata magħkom it-telespettaturi li għandha tibda f’Diċembru. Iċ-Ċaqqufa.

Sezzjoni Vi jew Va

Serje jew Film – Serje

Ktieb jew e-Book – Ktieb

Sajf jew Xitwa – Sajf

Filgħodu jew Filgħaxija – filgħodu

Kelb jew Qattus – Kelb

Iċċempel jew Tibgħat messaġġ – Inċempel

Instagram jew Facebook – Facebook

Tonfoq jew Tfaddal – Nixtieq nista’ nfaddal imma nonfoq inħobb, bil-flus tar-raġel speċjalment!

Torqod fuq ix-xellug jew fuq il-lemin tas-sodda – Xellug

Te jew Kafè – Te

Iced Coffee jew kafè jaħraq – Iced coffee caramel

Pizza jew Burger – Ma nistax nagħżel! Diffiċli wisq.

Għaddi messaġġ lill-udjenza ta’ Skoperta.

Ikun xi jkun li tridu tagħmlu tħallu lil ħadd iwaqqafkom jew jgħidilkom li m’intomx tajbin biżżejjed. Nieħu eżempju bija fil-qasam tad-drama, l iskola qatt ma ntgħażilt u niftakar darba kont applikajt għal audition għal play tal-iskola fis sekondarja u kienet giet tkellimni għalliema inkarigata, fejn staqsietni biex nerġa’ naħsibha jekk għandix inneħħi l-applikazzjoni tiegħi, dakinhar kont neħħejtha però kont għamilt wegħda miegħi nnifsi li xi darba lil dik l-għalliema għad nagħtiha risposta u llum il-ġurnata kelli l-opportunità li ninterpreta karattri differenti f’diversi sensiliet.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks