Select Page

‘The Roads Travelled’ hija wirja tal-artist Godwin Muscat Azzopardi, li se tiftaħ proprju llum il-Ġimgħa, 16 ta’ Settembru ġewwa Art by the Seaside Gallery, 65, Triq il-Mina tax-Xatt, l-Isla.

Godwin ilu minn meta kien tifel li kien inklinat lejn l-arti, iktar u iktar meta missieru stess kien artist li jaħdem biż-żejt, u z-ziju tiegħu li kien jaħdem bl-akkwarelli. Peress li Godwin kellu karriera impenjattiva, qatt ma sab il-ħin għall-pittura, imma xorta waħda kien sab il-ħin biex jattendi diversi lezzjonijiet tal-arti ġewwa Franza.

Illum Godwin huwa rtirat, u b’hekk ix-xewqa tiegħu saret realtà. Infatti Godwin dan l-aħħar kellu diversi esebizzjonijiet kemm waħdu kif ukoll dawk ta’ natura kollettiva.

Godwin jgħid illi naturalment huwa jiġi ispirat minn esperjenzi tiegħu tal-ħajja. Huwa jgħid ukoll illi ma jara xejn ħazin bejn ir-realtà u tibdiliet li jagħmel il-bniedem għaliex skont hu, dawn iż-żewġ fatturi ħafna drabi jġegħluna jkollna u nħossu dak li propja għandna inħossu.

Il-pitturi ta’ Godwin huma pjuttost astratti, u għandu dak li hu jsejjaħ bini li fih xorta waħda tista’ ssib l-atmosfera. Infatti fil-pitturi ta’ Godwin wieħed mhux se jara ħafna dettal, iżda jitlob lill-udjenzi jinterpretaw il-pitturi individwalment. B’hekk il-pittura tiġi waħda kompluta kemm mill-artist kif ukoll minn dawk li se jaraw din il-wirja.

Il-wirja se tibqa’ miftuħa sas-27 ta’ Settembru.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks