Matul il-jiem li għaddew, ir-reġjun ta’ Marche, l-Italja, kien ikkaratterizzat b’mewġ vjolenti ta’ temp ħażin li swiet il-ħajja ta’ 10 persuni, filwaqt li tlieta għadhom neqsin. Fost il-mitlufa hemm tfajjel ċkejken, Mattia, ta’ tmien snin.

Mattia kien m’ommu, Silvia, spiżjara li kienet għadha kemm lestiet mix-xogħol. Kienu sejrin lura d-dar bil-karozza, bi ftit xita nieżla, meta ħabta u sabta mewġa kannella ġiet lejhom u kaxkrithom.

Kemm l-omm u l-iben irnexxielhom joħorġu minn ġol-karozza. Fil-fatt l-omm tħabtet ħafna biex iżżomm lil Mattia qrib tagħha, tant li idejha tbenġlu. Però dan, kien kollu għalxejn minħabba li l-forza qawwija tal-ilma, kompliet tkaxkarhom ‘l isfel, tant li qaċċtet lil binha minn sidirha.
Silvia rrakontat lill-ġurnalisti kif binha, li huwa tfajjel bl-awtiżmu u li ma jitkellimx, kien imbeżża’, u din il-biża’ kienet tidher sew f’għajnejh.
L-omm bħalissa tinsab rikoverata l-isptar, fejn għandha bidu ta’ pulmonite. Hija ġiet salvata wara li damet sagħtejn u nofs maqbuda ġo siġra. L-omm li għaddejja minn duluri kbir, qed titkarrab “Ġibuli lil ibni Mattia, lura għandi.”
