Select Page

Kienet waħda minn dawk il-ġranet li Lee kien ħass il-bżonn li kellu joħroġ jagħmel żewġ passi. L-arja tqila li kien qed iħoss fid-dar, kienet saret kważi toħonqu.
Ma kienx ġuvnott ikrah. Pjuttost ftit stramb. Imma mhux għax kien hekk minnu nnifsu. Huma kienu ġegħluh iħossu hekk. Il-ġuvintur l-oħra li kien hemm l-iskola tiegħu. Forsi għax ħadd ma kien jifhmu……….forsi għax kienu jgħiru għalih għax dejjem kien imur aħjar minnhom fl-eżamijiet……….jew forsi għax kien xi ftit eċċentriku.
Imma hu, hu kull ma ried li jkun maħbub.
U issa li kien spiċċa l-kors ta’ studju li kellu jagħmel, kien qed iħossu aħjar. Għax ma kienx ser ikollu jħabbat wiċċu aktar magħhom. Ma’ dawk l-istudenti l-oħra li kienu għamlulu ħajtu nfern.
Imma issa kien ser ikollu jerġa’ jgħaddi sajf waħdu. Fejn kellu jaqbad imur, mingħajr ma kellu lil ħadd ma’ min joħroġ, ma’ min jiltaqa’…………
“Kieku saqajja għadhom tajbin, kont niġi miegħek,” kienet qaltlu nanntu aktar kmieni. Nanntu kienet taf li Lee kien ġuvni ta’ natural ħelu. L-unika problema li kellu kienet li ma kienx jemmen fih innifsu. Forsi minħabba l-fatt li kien tilef il-ġenituri ta’ età verament żgħira. U t-trawma kienet affettwatu hekk. Kien għad għandu tlett snin u ħlief żewġt uċuħ familjari jitbissmu fuq ritratt fl-intrata tan-nanna, ma kien għadu jiftakar kważi xejn. Issa kienu diġà skorrew ħmistax-il sena minn dak il-lejl.
Eżatt malli dar il-liwja li kienet tagħti lejn il-pjazza tar-raħal, beda jdoqqlu l-mobajl fil-but. Fil-bidu, lanqas biss kien semgħu. Kien hemm ħafna storbju; karozzi u trakkijiet għaddejjin, nies ipaċpċu minn maġenb il-ħwienet, trakk mimli ħut imdawwar bin-nies jixtru, Pinu u Leli, li dejjem kont issibhom f’nofs iz-zuntier izekzku fuq in-nies, u donnhom biex jikkumplimentaw mal-ħsejjes kollha, kien hemm l-għasafar qegħdin isaffru fis-siġar kbar li kien hemm fin-nofs tal-pjazza. Imma f’nofs dan kollu, sema’ l-unika mezz ta’ teknoloġija li kien juża hu, idoqqlu fil-but.
Għajnejh tberrqu ftit għax in-numru ma għarfux u lil Lee ħadd ma kien iċempillu.
“Ħellow?” għajjat fil-mobajl ħalli jkun ċert li kienu semgħuh fost dak l-agħa kollu.
“Għażiż Lee………” beda jisma’ leħen maskili jgħidlu. “Inti intagħżilt fost l-applikanti kollha sabiex tibda taħdem magħna.”

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks