Select Page

.. il-verità hija li għal 10 xhur għext martirju. Id-deċiżjoni li ħarġet f’dawn il-ġranet, li jien ma kelli l-ebda sehem, ħsieb jew intenzjoni li nagħmel xi plaġjariżmu issa tinżilli għasel għax is-sens komun ipprevela.

Dan hu dak li qal il-Professur Andrew Azzopardi fuq il-paġna tiegħu wara l-aħbar li l-kumitat tal-etika ma sab l-ebda plaġjariżmu f’artiklu li kien kiteb.

“U żgur li qatt mhu ħa nieħu xi ħaġa ta’ xi ħadd, lanqas lapes, aħseb u ara.” żied jgħid.

Il-Professur Azzopardi stqarr li d-dispjaċir tiegħu huwa li l-allegazzjoni fil-konfront tiegħu ġiet imxandra mal-erbat irjieħ minflok ġie kkunsidrat li ssir diskussjoni dwarha.

Huwa qal li allaħares f’dan iż-żmien ma kienx hemm l-ispalla tal-familja tiegħu, il-kollegi u l-ħbieb tiegħu, il-kollaboraturi u ta’ ħafna vuċijiet siekta li baqgħu jemmnu fih, “għax f’10 xhur tistenna li jingħad l-ovvju wkoll tisfronda,” stqarr l-Professur Azzopardi.

Anki wara dak li għadda minnu, il-Professur, għamilha ċara li se jibqa’ jitkellem favur il-minsijin, se jibqa’ jsegwi x’qed jiġri fil-ħabs u jekk jerġa’ jibda jkun hemm dak li hu ddeskriva bħala “ħmieġ ta’ żmien ir-reġim l-ieħor,” ħa jkun minn tal-ewwel li jiqfilhom, se jibqa’ jitkellem favur il-vittmi tal-kriminalità, se jibqa’ jitkellem kontra l-“ħniżrijiet u t-tidwir tal-wiċċ” fil-qasam tal-immigrazzjoni, kontra n-nuqqas ta’ vuċi tat-tfal u kontra l-korruzzjoni.

L-appell tiegħi lill-istudenti tal-Fakultà tiegħi, lill-kollegi fil-qasam soċjali, lill-operaturi soċjali u NGOs, lil sħabi l-akkademiċi, lill-amministraturi, lir-riċerkaturi, lill-kandidati tal-PhD, lil uliedi – Iva, anke jekk li tgħid is-sewwa jiġi bi prezz mhux żgħir, xorta agħmluh, xorta tkellmu, għax bil-ftit tal-ħafna nbiddlu d-dinja.

Prof. Andrew Azzopardi

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks