Select Page

Ilbieraħ, 19 ta’ Settembru, fil-festa ta’ San Ġennaru, ġewwa Napli, id-demm tal-istess qaddis inħall u dan wassal għal serħan il-moħħ fost xi Naplitani superstizzjużi li jarawh bħala awgurju tajjeb.

Skont rapporti tal-aħbarijiet Taljani, il-‘miraklu’ tħabbar fid-09.26 mill-Arċisqof Mimmo Battaglia, fejn intlaqa’ b’applaws kbir.

Dan l-episodju jseħħ kull sena, fi tliet dati: 19 ta’ Settembru (jum il-festa tal-qaddis), 16 ta’ Diċembru u l-ewwel Sibt ta’ Mejju.

F’kull okkażjoni l-fidili jinġabru fil-belt tan-Nofsinhar tal-Italja biex jaraw il-kampjun tad-demm niexef ta’ San Ġennaru, miżmum f’ampulla tal-ħġieġ issiġillata, jinħall.

San Ġennaru, kien isqof ta’ Benevento fit-tielet seklu wara Kristu, li l-għadam u d-demm tiegħu jinżammu bħala relikwi fil-katidral ta’ Napli. Huwa maħsub li kien martri matul il-persekuzzjoni Kristjana, taħt l-Imperatur Djoklezjanu.

In-Naplitani jemmnu li jekk id-demm ta’ San Ġennaru jonqos milli jinħall, dan ikun sinjal li ser ikun hemm diżastru imminenti inkluż gwerra, ġuħ jew mard.

Fil-fatt, xahrejn wara li d-demm ma rnexxilux jinħall fid-19 ta’ Settembru 1980, Napli intlaqat minn terremot devastanti li qatel kważi 3,000 ruħ. Dan il-‘miraklu’ ma seħħx ukoll fl-1939 u l-1940, li ħabat mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija u d-dħul tal-Italja fil-kunflitt, u għal darb’oħra f’Settembru 1943: id-data tal-okkupazzjoni Nażista.

Sentejn ilu, fis-16 ta’ Diċembru 2020, id-demm ukoll ma nħallx u faqqgħet il-pandemija tal-Covid19.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks