Select Page

Ftit tal-ħin ilu, id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti, kitbet fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, li fl-aħħar tinsab lura d-dar wara 19-il ġurnata rikoverata fl-isptar Mater Dei.

Fil-post li tellgħet flimkien ma’ ritratt, hija qalet li kollox beda minn dak li kien qisu ħolma kerha, imbagħad inbidel fi vjaġġ ta’ meditazzjoni u issa huwa ċans li tgħix li tgħix ħajjitha bl-aħjar mod li tista’ u qatt ma tieqaf tapprezza kemm hi fortunata.

Hija rringrazzjat lill-istaff kollu ta’ Mater Dei għall-attenzjoni u l-kura li ngħatat, flimkien ma’ tbissima, li kienet tagħmel differenza fis-sitwazzjoni li kienet għaddejja minnha.

L-Onorevoli Chetcuti rringrazzjat ukoll lill-familja tagħha talli ħadu ħsieb uliedha, kif ukoll lill-ħbieb tagħha tal-għajnuna li tawha.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, irringrazzjat lil kull min bagħtilha messaġġi ta’ sapport u talab għaliha.

Tat ukoll parir biex wieħed jieħu ħsieb lilu nnifsu, jiekol sew, jagħmel eżerċizzju b’mod regolari, jagħmel xi tip ta’ sport u jimxi kemm jiflaħ, għaliex skont ma qalilha, dan kollu għenha ħafna biex terġa’ ġġib saħħitha lura.

GRAZZI….l-imħabba kollha li ngħatajt, imwiegħed li bħal dejjem, se nibqa’ nroddha lura permezz ta’ xogħli, l-attitudni tiegħi u fil-ħajja ta’ kuljum tiegħi.
L-Onorevoli Janice Chetcuti

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks