Select Page

Hekk kif Vladimir Putin ħabbar il-mobilizzazzjoni parzjali, diversi protesti qed joħonqu t-toroq u l-pjazzez ta’ Moska u ta’ San Pietruburgu, ġewwa ir-Russja. Apparti dan ħafna Russi qegħdin f’ġirja mal-ħin biex jippruvaw jitilqu minn pajjiżhom.

Vladimir Putin ilbieraħ ħabbar il-mobilizzazzjoni parzjali ta’ 300,000 persuna; li mmarkat it-tranżizzjoni mill-hekk imsejħa operazzjoni militari “speċjali” għal dikjarazzjoni formali ta’ gwerra, kif meħtieġ mil-liġi Russa. Dan kien l-ewwel darba tar-Russja mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.

Huwa enfasizza li l-għanijiet fl-Ukrajna ma nbidlux, iżda l-mobilizzazzjoni kienet meħtieġa minħabba li l-Punent “qabeż il-linji kollha” billi pprovda armi sofistikati lill-Ukrajna. Huwa sostna li l-għan prinċipali tal-Punent hu li “jdgħajjef, jaqsam u jeqred lir-Russja”.

Dan wassal għal diversi protesti fir-Russja. Skont il-grupp indipendenti Russu tal- monitoraġġ tal-protesti OVD-Info, aktar minn nofs id-dimostranti arrestati lbieraħ huma nisa. Dan il-grupp qed jistma li aktar minn 1,300 persuna, fosthom disa’ ġurnalisti u 33 minorenni, inżammu arrestati s’issa.

Apparti dawn il-protesti, it-tħabbira ta’ Putin, wasslet biex diversi nies qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiz. Ħafna kienu li marru jaqtgħu l-biljetti tal-ajru, tant li għexieren ta’ ajruplani qed jitilqu minn Moska u San Pietruburgu. Diversi nies oħrajn qed isibu t-titjiriet mibjugħajn kollha, dan għal fatt li huma għandhom ftit destinazzjonijiet fejn imorru bħat-Turkija, l-Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Qatar, is-Serbja, l-Iżrael. Apparti dan, il-prezzijiet tal-biljetti ttripplaw, f’xi każi żdiedu b’għoxrin darba fil-lejl bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks