Select Page

Dalgħodu l-plejer Maltija tal-futbol Haley Buġeja użat il-pjattaforma ta’ Facebook biex tesprimi l-ferħ tagħha. Hija kitbet li huwa “Jum ta’ unur għalija u għall-familja tiegħi”, dan wara li hija ddebutat għal-ewwel darba mal-Orlando Pride. Dan għamilha bħala l-iżgħar plejer ta’ Orlando Pride li qatt kien hemm. Apparti dan, hija saret ir-raba’ l-iżgħar plejer li qatt lagħab fin-National Women’s Soccer League, tal-Istati Uniti.

Kontu tafu li Bugeja għamlet id-debutt tagħha fil-klabb tal-kbar fl-età ta’ 14-il sena matul l-istaġun 2018/ 2019, għall-klabb tal-Kampjonat tan-Nisa Malti, Mġarr United?

Kellha staġun mill-aqwa fejn hija spiċċat bħala l-aqwa skorer tal-kampjonat b’26 gowl u ħadet il-Plejer tas-Sena tal-Kampjonat fil-Malta FA awards.

Il-bravura tagħha kompliet meta, f’Lulju 2020, Bugeja ffirmat kuntratt ta’ sena mal-klabb Taljan tas-Serie A Sassuolo. Hija għamlet id-debutt tagħha mal-klabb fil-5 ta’ Settembru 2020, fl-età ta’ 16-il sena, fir-rebħa ta’ 3–1 kontra Napoli. Bugeja skorjat l-ewwel u t-tielet gowl għat-tim tagħha. Din is-sena hija bdiet tilgħab ma’ Orlando Pride tan-National Women’s Soccer League.

It-tim kollu ta’ Skoperta jixtieq jifraħ lil Haley Bugeja, u jawguralha għal aktar suċċess! Brava!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks