Select Page

Nitkellmu ma’ Redeemer Galea

Min hu eżattament Redeemer Galea?

Jien Redeemer Galea, għandi 35 sena u naħdem bħala delivery person ma’ kumpanija li tqassam affarijiet bħal prodotti tax-xagħar, make up u affarijiet essenzjali għall-ħasil tad-dar. Għandi għal qalbi ħafna l-Belt u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Belt għax jien Belti. Ovvjament inżomm mal-belt u bħala tim barrani nżomm mal-Juventus… miżżewweġ lil Marilyn u għandi tifel li jismu Keiren, li ghandu 14-il sena, li wkoll qed jimxi fuq l-istess passi tiegħi tad-drama għax iħobbha ħafna u diġà kellu diversi opportunitajiet. Ftit nies jafu li jien illum il-ġurnata eks pizzar, għaliex għamilt madwar 14-il sena naħdem bħala pizzar.

Kieku mhux attur, fejn insibuk?

Bla dubju ta xejn kieku plejer tal-futbol. Min jafni, jaf kemm għandi għal qalbi l-futbol u kemm inħobb nilagħbu mal-ħbieb u anke ma’ min ma nafx, kif ikolli ċans nipprova nagħti daqqtejn f’logħba futbol 5 a side jew 7 aside. U ejja ngħidu li bħala plejer inġaħġaħha mhux ħażin!

Ħdimt ħafna xogħol televiżiv, però ħdimt ukoll ammont mhux ħażin ta’ xogħol teatrali. X’tippreferi taħdem? Teatru jew televiżjoni? U għalfejn?

Bla kantunieri ta’ xejn, nippreferi t-teatru u iva, kif għedt int, kelli ħafna produzzjonijiet teatrali li nista’ ngħid li tlift il-count ta’ x’kelli. Biex inġiblek eżempju, medda ta’ bejn 4 u 7 produzzjonijiet teatrali fis-sena tul dawn l-aħħar 15-il sena tal-anqas!! Dik il-ħaġa li għandek in-nies miegħek, hija xi ħaġa li ma nistax nispjegaha. In-nies qegħdin hemm preżenti quddiemek, jekk qegħdin jieħdu gost bik qed tinduna u jekk qed iddejjaqhom qed tinduna wkoll. Apparti minn hekk tħossok grat aktar għax dawn ikunu nqalgħu minn djarhom biex ġew jarawk. Mill-banda l-oħra, it-televiżjoni jagħtik aktar popolarità, dak fatt….in-nies jagħżlu huma li jdaħħluk ġo djarhom u kif dejjaqthom idawwru l-istazzjon. Illum il-ġurnata t-tnejn ma tantx ngħaddi mingħajrhom, iżda kieku kelli nagħżel, nagħmel it-teatru.

Rajnik f’diversi partijiet, liem hi l-aktar waħda favorita tiegħek?

Jekk qed nitkellmu televiżjoni hemm diversi, iżda żgur ma nistax ma nsemmix Għeruq, li jmur lura madwar 16 jew 17-il sena ilu. Kien il-bidu tiegħi fuq it-televiżjoni, bil-karattru ta’ Bennard meta kien żagħżugħ, grazzi lil Hermann Bonaci u Simon Curmi. Iżda ovvjament il-karattru ta’ Karl fid-drama division 7 kien bumm kbira għalija u n-nies baqgħu jsemmuhuli ..mertu ta’ Jason Zerafa li emmen fija.

Xi pjanijiet hemm għal Redeemer fejn tidħol drama?

Hemm diversi… ħafna u ħafna pjanijiet ma’ Mixta Drama. Li nista’ ngħid hu li fik Clayton, sibt ħija ieħor li naħdmu id f’id f’kull proġett li hemm. Apparti minn hekk, qed naħdem fuq żewġ dramas għat- televiżjoni, wieħed Iċ-Ċaqqufa, li se tagħmel ir-ritorn tagħha, fejn jien għandi karattru impenjattiv ħafna, u mbagħad hemm xi ħaġa għas-sena d-dieħla li għalissa ma nistgħu niżvelaw xejn. Fejn jidħol teatru nista’ ngħid li mimli daqs bajda! Għandi żewġ proġetti bħala attur, l-ewwel waħda f’Novembru li ġej, It-tieġ ta’ Karmena Abdilla, b’karattru impenjativ ħafna fejn ser inkun qed ninterpreta t-tifel ta’ Karmena, Ninu. Għal Diċembru/Jannar hemm il-pantomima. Imbagħad għal Marzu, id-dramm tal-passjoni fuq kitba u direzzjoni tiegħi stess, u għal Mejju se terġa’ titla l-kummiedja Skaduti, mill-pinna ta’ David Rizzo fejn ser naħdmu fuqha flimkien ma’ Christopher Barbara. Id-direzzjoni ser tkun tiegħi u ta’ David. Imbagħad hemm xi ħaġa kbira fil-pipeline. Xi ħaġa li qed naħdem ma’ kumpanija oħra b’saħħitha li se ttella’ proġett teatrali u jien ġejt fdat bil-kitba u d-direzzjoni ta’ dan il-proġett, imma aktar informazzjoni toħroġ ‘il quddiem. Tistgħu ssegwu dak kollu li jien għaddej minnu fuq il-paġna personali ta’ Facebook tiegħi – GALEA Redeemer.

Sezzjoni Vi jew Va

Serje jew Film – Serje

Ktieb jew e-Book – Ktieb

Sajf jew Xitwa – Xitwa

Filgħodu jew Filgħaxija – Filgħaxija

Kelb jew Qattus – Qattus

Iċċempel jew tibgħat messaġġ – Inċempel

Instagram jew Facebook – Facebook

Tonfoq jew Tfaddal – Infaddal

Torqod fuq ix-xellug jew fuq il-lemin tas-sodda – Xellug (Jekk qed tħares lejn is-sodda)

Te jew Kafè – It-tnejn

Iced Coffee jew Kafè jaħraq – Kafè jaħraq

Pizza jew Burger – Pizza (eks pizzar hux!)

Għaddi messaġġ għall-udjenza ta’ Skoperta.

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi li dejjem nisħaq fuqu jien….emmen fik innifsek, agħmel l-ewwel pass. It-triq tkun twila, iżda biex tasal trid tibda minn dak l-ewwel pass. Qabel nagħlaq nixtieq ngħid grazzi lil dawk kollha li nsib waraja meta jfaqqas xi proġett ġo moħħi. Grazzi tas-sapport tagħkom!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks