Select Page

Francesco Forgione, jew kif magħruf aħjar Padre Pio, twieled nhar il-25 ta’ Mejju 1885, ġewwa raħal żgħir bl-isem ta’ Pietrelcina, fl-Italja. San Padre Pio kien saċerdot Taljan li kien magħruf għall-pietà u l-karità tiegħu, kif ukoll għad-don tal-istigma, li qatt ma ġie spjegat.

Minn età żgħira kien tifel reliġjuż ħafna u huwa rrapportat li ta’ ħames snin ħa d-deċiżjoni li jiddedika ħajtu lil Alla. Fortunatament, il-ġenituri tiegħu kienu wkoll reliġjużi ħafna u appoġġaw l-iżvilupp Kattoliku tiegħu. Fatt interessanti huwa li Francesco kien magħruf talli kien jieħu l-penitenzi u ommu darba ċanfritu talli raqad fuq art tal-ġebel.

Minn mindu kien tfajjel ċkejken, Francesco kellu ħila partikolari. Seta’ jara l-anġli kustodji, jitkellem ma’ Ġesù u l-Verġni Marija. Din ma kinitx xi ħaġa mgħallma lilu, iżda seħħet b’mod tant naturali li assuma li nies oħra setgħu jarawhom ukoll.

Francesco ma kellux tfulija faċli. Fil-fatt hu kien ġej minn familja fqira ħafna u kien tfajjel maridi ukoll. Ta’ sitt snin sofra attakk ta’ gastroenterite u meta kellu għaxar snin, kellu d-deni tat-tifojde.

Fl-età ta’ 15-il sena, Francesco daħal fin-novizzjat tal-patrijiet Kapuċċini f’Morcone, fejn ħa l-isem ta’ “Pio” f’ġieħ il-Papa Piju I, li r-relikwa tiegħu kien ra spiss fil-kappella lokali tiegħu. Taʼ 17-il sena, Fra Pio marad ħafna u setaʼ jiddiġerixxi biss il-ħalib u l-ġobon. Madanakollu, xorta waħda kompla jistudja għas-saċerdozju.

F’okkażjoni minnhom waqt it-talb, patri sieħbu b’mod tal-għaġeb irrapporta li ra lil Pio jiġi elevat waqt episodju ta’ estasi. Fra Pio sar qassis fl-1910, imma tħalla jibqaʼ d-dar minħabba d-diffikultajiet ta’ saħħa li kellu.

Fl-1915, huwa ġie msejjaħ għas-servizz militari minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija. Però huwa ma tantx ma dam għaliex saħħtu kienet ħażina ħafna.

Fl-20 ta’ Settembru 1918, waqt li kien qed jisma’ l-qrar ħass uġigħ f’idejh u f’saqajh. Innota l-istigma – il-feriti ta’ Kristu fuq idejh u saqajh, li kienet akkumpanjata minn uġigħ kbir. Il-feriti kellhom riħa ta’ ward, u għalkemm baqgħu jnixxu, qatt ma ġew infettati. It-tobba, li aktar tard eżaminaw l-istigma, baqgħu mistgħaġba bil-forma perfettament tonda tagħhom.

F’radd ta’ salib il-popolarità tiegħu kibret immensament, li saret ukoll sors ta’ tħassib għall-Knisja. Minħabba f’hekk il-Vatikan beda jirrestrinġi l-attivitajiet tiegħu biex jimminimizza l-interazzjoni pubblika. Padre Pio nnifsu kien skomdu bil-popolarità ġdida tiegħu u l-attenzjoni li rċieva minħabba l-istigma tiegħu. L-investigazzjoni tal-Knisja dwar l-istigma tiegħu kkonkludiet li l-kundizzjoni tiegħu ma kinitx iffalsifikata.

Fil-fatt kien il-Papa Piju XI li ħeġġeġ lin-nies biex iżuruh. Fatt interessanti huwa li fl-1947, Fr. Karol Wojtyla żar lil Padre Pio li profetikament qallu li kien se jitla’ fl-ogħla kariga fil-Knisja.” Dun Karol Wojtyla sar Papa Ġwanni Pawlu II fl-1978.

Padre Pio uża din il-popolarità tiegħu biex jiftaħ sptar f’San Giovanni Rotondo. Il-faċilità nfetħet fl-1956.

Padre Pio ma kienx segwit biss fl-Italja, iżda kiseb il-popolarità tad-dinja kollha. Kien magħruf għall-pietà, il-karità u l-kwalità tal-predikazzjoni tiegħu.

Padre Pio miet fit-23 ta’ Settembru 1968. Għall-funeral tiegħu attendew aktar minn 100,000 ruħ.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II għamel lil Padre Pio qaddis nhar is-16 ta’ Ġunju 2002. Huwa l-patrun tal-voluntiera tad-difiża ċivili, l-adolexxenti, u r-raħal ta’ Pietrelcina.

Intom li qed taqraw dan l-artiklu, daħlu f’moħħkom dawn il-kliem li kien jippriedka bihom Padre Pio ‘Itolbu, ittamaw u tinkwetawx!’

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks