Hekk kif ninsabu jumejn ‘il bogħod mill-bidu tal-iskeda l-ġdida tal-istazzjonijiet Maltin, ħsibna biex nitkellmu ma’ xi wħud mill-atturi ta’ sensiliet Maltin ġodda jew li se jirritornaw għal staġun ġdid, biex niskopru ftit dwar is-sensiliet u l-karattri li se jinterpretaw.

Illum se nibdew minn Anna Bassily, li tinterpreta l-karattru ta’ Mari fis-sensiela Ulied il-Lejl.

Lil Mari nafuha, fil-fatt hija waħda mill-karattri li serqet il-qlub tas-segwaċi, u għalkemm Anna ma setgħetx tiżvela wisq, ippruvajna niskopru kemm nistgħu dwar dak li se nkunu qed nistennew minn Mari u t-tieni staġun ta’ Ulied il-Lejl!

F’Ulied il-Lejl tinterpreta l-karattru ta’ Mari. Għandha karatteristiċi li huma simili tal-karattru reali tiegħek?

Mari. Karattru msawwar bl-aktar mod ħelu u simpatiku mill-awtur Charles Micallef St.John. Nixtieq li kont ħelwa daqsha! Imma iva, hemm xi ftit xebħ, l-aktar fil-mod li bih taqra dak li jkun għaddej minnu xi ħadd li hu għażiż għaliha u l-widna u spalla li toffrilu sabiex iferra’ l-ferħ, xkiel, imrar li jkun qed itaqqallu moħħu u qalbu. Taf tħobb u tagħder ukoll.

U x’għandha differenti?

Mari hija karattru ambjentat fis-seklu dsatax. Hija aktar paċenzjuża u tolleranti, anke fejn setgħet kienet iebsa.

X’jogħġbok l-aktar mill-karattru ta’ Mari u xi idejqek l-aktar?

Is-sinċerità u mħabba lejn l-għeżież tagħha u lejn il-ħajja nfisha. Is-simpatija, paċenzja, imħabba u fiduċja sħiħa f’Sidor hija sabiħa ħafna. Ma tħalli l-ebda farka dubju li dawn it-tnejn kellhom rispett u mħabba kbira lejn xulxin minkejja li Leli ittanta jtebba’ din l-ghaqda. L-imħabba lejn oħtha Tona tinħass sew. Tħobb lil uliedha kollha, Iżda b’mod iktar profond lit-tifla waħdanija Ġorġa, li tinzerta wkoll iż-żgħira fost l-aħwa u li minħabba, kif jaf kull min segwa l-ewwel staġun, it-trattament tant ħażin ta’ missierha, kienet tqatta’ ħafna ħin għand zijitha Mari, tant li anke żewġha Sidor sar iħobb ħafna lil Ġorġa daqs li kieku din kienet bintu, mhux l-anqas għax kien jgħoxa jara lil martu titpaxxa b’din il-ħlejqa tant għażiża daqslikieku binthom li huma qatt ma kellhom bejniethom.

Iebsa biex tgħid xi jdejjaqni f’Mari! Mhux l-anqas għax l-għeżież telespetaturi li ltaqgħu miegħi, qaluli kemm iħobbu lil Mari! Mari f’din l-istorja, żammet bilanċ tajjeb ħafna bejn l-imrar u l-ħelu. Forsi setgħet qabżet aktar għal oħtha meta kienet taf minn xiex għaddeja. Setgħet ukoll qabżet iktar għal Ġorġa. Imma kien żmien ieħor u blalissa qed nirraġuna biż-żarbun tal-lum is-seklu wieħed u għoxrin. Biss jekk ir-reazzjoni setgħet kienet differenti, żgur li l-qalb u l-ħsus ma jinbidlux mas-sekli u għaldaqstant, iva, kienet iddejjaqni tħalliha lixxa lil Leli. Dan ifisser li kienet xi ftit beżżiegħa mhux ħażin.

Kultant tieħu għaliha wisq ukoll!

X’inhi l-akbar sfida li sibt fl-interpretazzjoni ta’ dan il-karattru?

Ilbistu malajr wisq biex inkun nista’ ngħid. Kelli noqgħod attenta għall-mixja. Zoppa ma kinitx, biss irkupptejha biex kinux jifilħuha. Xorta setgħet tħaffef kif tista’. Kelli noqgħod attenta, l-aktar f’distanzi qosra bħal meta timxi fil-kċina jew fir-remissa.

Kultant kelli nidfen ukoll emozzjonijiet li jiena bħala Anna noħroġ bihom f’ċertu ċirkostanzi kieku ġraw lili. Sfida li jgħaddi minnha kull attur.

Mil-lat tekniku, diffiċli żżomm l-istess karattru b’mod perfett meta tieħu medda ta’ xhur twal biex tinġibed is-sensiela kollha.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala waħda mill-atturi ta’ din is-sensiela?

Grazzi għad-direttur paċenzjuż u bravu Charles Stroud kif ukoll il-kittieb tas-saga tal-kotba “Suwed ulied il-lejl” Charles Micallef St.John, din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi. Kemm bħala ambjent li nħoss li dħalt sew fih, kif ukoll bħala karattru mill-iktar simpatiku u emottiv li interpretajt. Karattru li nibqa’ ngħożż.

Kif diġà semmejt, mil-lat tekniku, kienu żminijiet diffiċli minħabba li ġieli waqafna mill-filming għal xhur sħaħ…mard, elezzjoni, pandemija….tkun tassew iebsa biex tissokta b’ċertu emozzjoni f’ċertu ambjent (lestu l-imkatar) kif ukoll tirranġa xagħrek, irtokk u lbies, eżatt bħalma kont xi tlett xhur qabel!

Liema xena mill-ewwel staġun ħalliet l-iktar impatt fuqek personali u għaliex?

Ix-xeni fejn Ġorġa tafda lil Mari u l-oħra fejn tlaqqa’ lil oħtha Tona ma’ Lippu huma xeni li jibqgħu f’qalbi. Kċina modesta mimlija mħabba li fiha saret għaqda sħiħa. Mari hemmek għadret, ħabbet, ma ġġudikatx malajr, stabret u siktet. Meta jiżżarma s-sett tħoss niket. Qisu xi ħadd ħadlek biċċa minnek. Ħsus ta’ meta tieqaf tinterpreta karattru. Imma mbagħad b’mod maġiku terġa’ tissaħħaħ u tħares għal dak li jmiss.

Xeni oħra li naprezza ħafna huma, fejn insibu l-għajnuna ta’ bosta atturi li jkollhom parti ċkejna iżda importanti u li b’hekk ikunu qed ilewwnu u jgħaqqdu l-inkwadru b’mod mill-isbaħ. Bosta drabi jiġu b’ħeġġa u mingħajr pretensjonijiet.

Fit-tieni staġun għad tridu taraw xena kerha u reali ħafna, l-aktar għal dak iż-żmien, li domna nġebbdu xhur sakemm irnexxielna neħilsuha kollha. Tibqa’ mnaqqxa f’moħħi d-dieqa li kelli f’qalbi sa ma ħlisniha.

Hemm xi sitwazzjoni partikolari li kieku Anna kienet taġixxi kompletament differenti minn Mari?

Dażgur mela. Leli jimbuttani u jerfa’ idu fuq Sidor u nħalliha għaddeja lixxa??!!!! U dan wara li rajt wiċċ Tona mbenġel u bdiet tigdeb li ħabtet ma nafx ma’ xiex qalet!! Mhux hekk ma nagħlaqx ħalqi! Isawwat lil Ġorġa??? Anġlu bħal dik? Tona l-unika oħt li kellha Mari. U lil Ġorġa kienet tħobbha daqs bintha. Le, ma kontx niskot u ma kontx noqgħod.

Mingħajr ma tiżvela wisq, x’se nkunu qed nistennew minn Mari fit-tieni staġun?

Mhux se niżvela wisq tibżax! Xejn ma jien se niżvela dwar Mari fil-fatt! Mari minn dejjem mimlija mħabba u emozzjonijiet varji. Stennew ferm aktar. Ser iseħħu wisq episodji…ser jgħaddi ż-żmien …ser ikun hemm mumenti li jnisslulek anke tbissima jekk mhux ukoll daħqa li Mari biss, bid-determinazzjoni tagħha, taf tidħol għalihom.

Li nista’ forsi niżvela dwar it-tieni staġun huwa li ħut Ġorġa se jsibu l-imħabba tagħhom ukoll, u xi biskuttini se nduqu żgur! Daqshekk nista’ ngħid imma!

Hemm xi karattru partikolari ieħor li taħseb li se jissorprendi lit-telespettaturi fit-tieni staġun?

Ma niżbaljax jekk ngħid li hemm għadd ta’ karattri, kemm li diġà rajna, kif ukoll li għad irridu niltaqgħu magħhom f’din it-tieni sensiela, ser joffru ilwien li jissorprendu, kif ukoll jaħsdu. Meta bniedem ikun dahru mal-ħajt ma tistax tgħid kif jirreaġixxi f’dak il-waqt.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li se jkunu qed isegwu t-tieni staġun?

L-ewwel net inrodd ħajr li ser tilqgħuna ġo darkom. Ħudu gost segwu dak li bħala tim u b’ħafna sagrifiċċji u sapport mill-familji tagħna, irnexxielna noħolqu. Se jseħħ ħafna taqlib, u ser iseħħ malajr wisq. Segwu bir-reqqa. Iddevertu. Ngħid grazzi minn qalbi lil kull min isegwi u japprezza dak li nistgħu noffru mill-ftit riżorsi li għandna. Ħajr minn qalbi li żżommuna għaddejin sabiex inwasslulkom ftit serħan.

Ħajr lil kull min ta s-sehem tiegħu f’din il-produzzjoni.

Ulied il-Lejl, minn nhar it-Tnejn, 26 ta’ Settembru, fit-20:30 fuq NET TV.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks