Mijiet ta’ eluf ta’ nies spiċċaw bla dawl, u oħrajn saħansitra bla dar, wara li l-Maltempata Fiona laqtet il-kosta tal-Kanada.

Partijiet minn ħames provinċji esperjenzaw xita u riħ qawwija li kkawżaw għargħar.

Kundizzjonijiet tat-temp bħal dawn huma rari fil-Kanada.

Filwaqt li ntbagħat il-militar biex jgħin fl-operazzjonijiet tat-tindif mill-ħerba li ħalliet il-Maltempata Fiona, il-Prim Ministru tal-Kanada Trudeau qal li mhux se jkun qed jivvjaġġa lejn il-Ġappun biex jattendi għall-funeral tal-eks Prim Ministru Shinzo Abe, ħalli jittratta l-konsegwenzi tal-maltemp.

Twissijiet ta’ maltempata tropikali inħarġu għall-provinċji Atlantiku ta’ Nova Scotia, Prince Edward Island, Newfoundland u New Brunswick, kif ukoll f’partijiet tal-Quebec.

Żona f’Newfoundland tinsab fi stat ta’ emerġenza, tant li l-ġurnalist lokali René Roy qal li din hija l-aktar ħaġa tal-biża’ li qatt ra f’ħajtu.

Huwa żied jgħid li hemm ħafna djar li spiċċaw fl-oċean, bini ta’ appartamenti li litteralment sparixxa u toroq sħaħ meqruda.

Il-kumpaniji tal-enerġija wissew li jista’ jieħu jiem biex jerġa’ jkollhom l-elettriku lura, peress li l-veloċitajiet tar-riħ baqgħu għoljin wisq biex jibdew ix-xogħol fuq il-ħsara li saret.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks