Dalgħodu fis-sebgħa ta’ filgħodu nfetħu l-postijiet tal-votazzjoni fl-Italja. Din hija elezzjoni ġenerali qawwija li tista’ tbiddel il-politika Taljana b’mod qawwi lejn il-lemin fi żmien kritiku għall-Ewropa.

Kważi 51 miljun Taljan huwa eliġibbli biex jivvota. Madanakollu, minn stħarriġ li sar jidher li l-parteċipazzjoni ser tkun ferm iktar baxxa mill-aħħar elezzjoni ġenerali fl-2018, fejn kulma vvutaw 73%.

L-alleanza tal-lemin hija ffurmata mill-mexxej tal-Fratelli d’Italia jew Brothers of Italy Giorgia Meloni, il-mexxej tal-Lega Matteo Salvini u Silvio Berlusconi tal-Forza Italia.

Fit-tħejjija għall-elezzjoni, stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed juri li Meloni, politiku tal-lemin estrem, li l-partit Fratelli d’Italia huwa magħruf għall-għeruq neo-faxxisti, qed imexxi fil-popolarità. Jekk tirbaħ, tkun l-ewwel mara fl-Italja li tokkupa l-kariga u tmexxi l-ewwel gvern tal-lemin estrem tal-pajjiż mit-Tieni Gwerra Dinjija.

L-għan ta’ Meloni huwa li twaqqaf il-“marea” tal-immigrazzjoni tal-massa, speċjalment minn pajjiżi Musulmani. Hija ukoll sostenitriċi ta’ dawk li tiddeskrivi bħala “valuri tradizzjonali tal-familja”, fejn ikkundannat dawk li hija ssejjaħ LGBT “lobbies.” Hija wkoll kontra li tinbidel il-projbizzjoni tal-Italja dwar l-adozzjoni minn persuni waħedhom.

L-elezzjoni qed tiġi segwita mill-qrib fl-Ewropa, minħabba l-kritika ta’ Meloni għal-“burokrati ta’ Brussell” u r-rabtiet tagħha ma’ mexxejja oħra tal-lemin.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks