“Eħe?” tbellah.
Dak ix-xogħol. Dak ix-xogħol li kien applika għalih! Min qatt kellu jgħidlu li l-unika xogħol li kien applika għalih, kienu għażluh mill-ewwel? Lilu?
“Inti tifel bravu!” sema’ kważi leħen nanntu tgħidlu. Dejjem hekk kienet sejra.
Lee ħass qalbu tfur bil-ferħ!
Kien ser ikun jaħdem bħala assistent f’ħanut prestiġġjuż tal-kotba! L-iżjed ħaġa li kien iħobb jagħmel! Ix-xogħol li kien studja għalih!
“Grazzi!” għajjat fil-mobajl u dar lura lejn daru, jiġri kemm jiflaħ ħalli jagħti l-aħbar lill-għażiża nanntu, li kienet l-unika persuna li kienet tagħti kasu.
Pinu u Leli daru jħarsu lejh għax malli rawh jitlaq jiġri b’kemm kellu saħħa lura minn fejn kien ġie, kienu ħasbuh li kien tilef xi skorfina minn moħħu.
U dakinhar………….
Dakinhar li kellu jibda xogħol, kien dam jipprepara mhux ftit. Kien mar għand Toni l-barbier, qata’ xagħru, xtara tibdila pulita, li kienet ser isservih bħala waħda mit-tibdiliet li kien ser jilbes fil-ħanut, qaxxar il-ftit leħja mill-ġnub li kienet bdiet tikber ftit żgħira, u dellek nofs ġismu bil-fwieħa.
Ried jagħti impressjoni tajba.
U malli fetaħ il-bieb tal-ħanut, ħass qalbu trid toħroġ minn ġo sidru.
Ir-riħa tal-kotba; karti ġodda u antiki mħallta ma’ xulxin mohnija bil-linka. Il-kuluri sbieħ tal-kotba differenti, impoġġija b’sengħa u ħila kbira fuq l-ixkafef li kienu jgħattu kull parti tal-ħanut kbir, kollha fl-ordni tagħhom taħt kartelluni puliti bl-isem tas-suġġetti vasti, xkaffar fin-nofs tal-ħanut f’ringiela sħiħa minn quddiem sa wara. Dan il-ħanut kien armat b’kotba tat-tfal, tal-kbar, kotba xjentifiċi, oħrajn tal-lingwi………….u dak kollu li wieħed seta’ qatt jimmaġina.
Għal mument, Lee waqaf hemm bilwieqfa b’ħalqu miftuħ, idawwar rasu minn naħa għal oħra.
“X’għandek bżonn?” staqsieh ġuvni li kien qed iħares lejh minn bejn in-nuċċali, wara l-bank, eżatt faċċata tiegħu.
“Jien biex nibda naħdem hawn,” wieġbu hu jlaqlaq xi ftit bl-eċċitament.
“Lee?” staqsieh dan il-ġuvni. “Jien Rudy. U dik…………dik Ylenia.”
U ħarset lejh għall-ewwel darba.
“Ylenia.” Kien kważi xeraq biex jipprova jgħid isimha.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks