Inkomplu niskopru aktar karattri mis-sensiliet Maltin li se jibdew fi ftit ġranet oħra!
Din id-darba jmiss karattri mis-sensiela l-ġdida, iċ-Ċavetta ta’ Pandora!
Henry Zammit Cordina, Patrick Tanti u Hollie Micallef huma t-tliet atturi li se jkunu qed jinterpretaw karattri partikolari f’din is-sensiela li se jeħduna fuq vjaġġ mimli emozzjonijiet, sorpriżi, imħabba u fuq kollox, dak li d-dinja paranormali ġġib magħha, misteri!
X’jismu l-karattru tiegħek u kif tiddeskrivih?
Henry: Il-karattru tiegħi jismu Lorry, missier Kylie u n-nannu ta’ Noelene. Lorry huwa bniedem xettiku fejn tidħol il-paranormali.
Patrick: Julian…ħu l-attur prinċipali interpretat minn Clayton Pace. Huwa persuna xettika fejn jidħol il-paranormali u għalkemm ikollu intenzjonijiet tajba, ħafna drabi jidher persuna antipatka.
Hollie: Il-karattru tiegħi jismu Noelene. Tħobb lill-ġenituri tagħha, liz-ziju Julian u n-nannu Lorry. Għandha ħabiba tal-qalb u tħobb tilgħab bil-ġugarelli. Il-bqija ma nistax ngħid!
X’għandu simili tal-karattru reali tiegħek?
Henry: Huwa bniedem li juri empatija u emozzjoni.
Patrick: Jien, bħal Julian, ma nemmen f’xejn li ma jistax jiġi ppruvat mill-evidenza xjentifika.
Hollie: Bħal Noelene, inħobb lill-ġenituri, nanniet u zijiet, u nħobb nilgħab.
U x’għandu differenti?
Henry: Kultant jiddeċiedi li jieħu r-riegni f’idejh mingħajr ma jqis għemilu.
Patrick: Ma naħsibx li jien daqshekk antipatku!
Hollie: Sfortunatament ma nistax ngħid għax inkun qed niżvela xi sorpriżi.
Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala wieħed/waħda mill-atturi ta’ din is-sensiela?
Henry: Ma’ Ruth Frendo u r-raġel tagħha Charlo, ħdimt drabi oħra. Huma nies li taħdem komdu ħafna magħhom. Din is-sensiela ma kinitx eċċezzjoni. Apparti minn hekk, qed nerġa’ naħdem ma’ atturi ħbieb tiegħi, u flimkien ma’ atturi ġodda u crew żagħżugħ. Nista’ ngħid li ħadt pjaċir ħafna pjaċir naħdem f’din is-sensiela.
Patrick: Esperjenza pożittiva ħafna. Konna tim tajjeb u l-ġranet tal-filming kienu sbieħ miżgħuda b’ħafna daħq bejn xena u oħra. Ruth u Charlo huna produtturi tal-ġenn li tassew jistmaw l-atturi u joħorġu l-aħjar minnhom.
Hollie: L-esperjenza tiegħi hi waħda sabiħa, li għamilt għal qalbi u vera kuntenta li ntgħażilt għaliha.
Mingħajr ma tiżvela ħafna, hemm xi xena li żgur qatt mhu se tinsa? Għaliex?
Henry: Hemm żewġ xeni partikolari fejn Lorry joħroġ l-emozzjonijiet tiegħu meta jitkellem ma’ Kylie, li wkoll toħroġ l-emozzjonijiet tagħha. Għaliex jiġri hekk? Segwu u tkunu tafu!
Patrick: Iva hemm xeni li ffilmjajna billejl f’kesħa kbira f’Jannar, fl-imwarrab qalb il-ħaxix u l-ġebel u kienet teknikament diffikultuża apparti li rżaħna bil-kesħa..imma x-xogħol tal-filming jitlob ukoll dawn it-tip ta’ sagrifiċċji.
Hollie: Meta n-nannu għamel xi ħaġa li beżża’ lil Noelene. Xorta ħadt gost nagħmilha.
Għaliex it-telespettaturi għandhom isegwu ‘Iċ-Ċavetta ta’ Pandora’?
Henry: Il-paranormali jinteressa lil ħafna nies, imma dawk li forsi jibżgħu, tajjeb li tkunu tafu li din is-sensiela ma nħadmitx biex tkexkex. L-ispirti li jidhru huma iħirsa tradizzjonali Maltin. Min kien isegwi Pandora xi ftit snin ilu, se jieħu pjaċir bi żvilupp ġdid li se jkun hemm.
Patrick: Għax huwa serje differenti ħafna minn dak li mdorrijin naraw. Xi ħaġa ġdida u li hi bbażata fuq leġġendi tal-paranormali lokali li magħhom ħafna Maltin huma familjari.
Hollie: Għandhom isegwu Iċ-Ċavetta ta’ Pandora għax hemm xogħol maħdum minn atturi bravi grazzi kbira tmur għal Ruth Frendo. Titilfuhx!
Iċ-Ċavetta ta’ Pandora se jibda jixxandar mit-30 ta’ Settembru kull nhar ta’ Ġimgħa fid-21:00 fuq ONE. Il-produzzjoni hi Pro.Motion Limited, filwaqt li dan il-proġett hu megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.
