Select Page

Dawk kollha li jsegwu s-serje medika Amerikana Chicago Med, żgur li jiftakru x-xeni emozzjonali li l-attriċi Marlyne Barrett iffilmjat fl-2019 meta l-karattru tagħha, l-infermiera Maggie Lockwood, kienet qed tiġġieled il-kanċer tas-sider.

Madankollu, dak li l-istilla ma żvelata s’issa huwa li kienet qed tiffaċċja battalja tal-kanċer hija stess fil-ħajja reali tagħha, minn meta t-tobba skoprew li għandha tumur fl-utru u l-ovarji, f’Lulju.

F’intervista, Marlyne Barrett, l-attriċi ta’ 44 sena, li għandha tewmin ta’ 11-il xahar, qalet li għalkemm hi persuna estremament privata, ħasset ir-responsabbiltà li tiżvela l-istorja tagħha pubblikament.

Meta l-karattru tiegħi għadda mill-kanċer tas-sider, kelli baħar ta’ nies jikkuntattjawni permezz tal-midja soċjali. Għamluli kuraġġ, u għalhekk ħassejt sens ta’ inevitabbiltà li nagħmel dan.

Marlyne Barrett

Barrett, li hija magħrufa wkoll għar-rwol tagħha f’The Wire, tgħid li tittama wkoll li tispira lil oħrajn biex jaqsmu l-veritajiet koroh jew skomdi tagħhom.

Aħna bħala bnedmin nibżgħu ħafna niffaċċjaw il-mortalità tal-ħajja jew saħansitra nlissnu l-kelma “kanċer”, imma għandna ħafna aktar saħħa ġewwa fina milli naħsbu.
Marlyne Barrett

Minkejja l-biżgħat tagħha, hekk kif it-tobba infurmawha li kellha bżonn kimoterapija “aggressiva” qabel eventwalment tagħmel l-isterektomija, kienet konxja li kienet se titlef xagħarha u ħasset li kellha tiffaċċja dan il-mument billi ma tagħtix is-setgħa lill-kimoterapija.

“Xagħri dejjem kien essenza tas-sbuħija, imma ddeċidejt li nqaxxru jien stess u quddiem uliedi biex jaraw li għadni l-istess mamà tagħhom. Bkejt ħafna imma kienet esperjenza sabiħa li għamiltha quddiemhom,” irrakkuntat l-attriċi ta’ Chicago Med.

Minbarra s-sapport u l-imħabba tar-raġel tagħha, Barrett esprimiet il-gratitudni tagħha għas-sapport li tingħata mill-kast u l-kru ta’ Chicago Med, saħansitra, bid-dmugħ f’għajnejha qalet li anki kien hemm xi wħud li qaxxru xagħarhom b’turija ta’ sapport lejha.

L-attriċi, li xorta waħda baqgħet għaddejja b’xogħolha, qalet li x-xogħol iġibilha ħafna ferħ bħalissa, u jagħtiha wkoll serħan għall-fatt li taħseb fuq xi ħaġa oħra u mhux biss dwar meta hi s-sessjoni tal-kimoterapija li jmiss jew kif se tgħannaq lil uliedha.

Issa, hekk kif qed tipprepara għat-tielet rawnd ta’ kimoterapija, Barrett tgħid li qed teħodha ġurnata b’ġurnata.

“Insib is-saħħa biex inkompli kuljum minħabba wliedi. Irrid narahom jiżżewġu xi darba. U se jirnexxili,” żiedet tgħid l-istilla ta’ Chicago Med.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks