Select Page

Kien id-29 ta’ Settembru 1962, meta ngħata bidu għas-servizz tat-televiżjoni ġewwa Malta. Fil-fatt 60 sena ilu nħolqot il-Malta Television Services Ltd, magħrufa aħjar bħala l-MTV, li kienet sussidjarja tar-Rediffusion (Malta). Hija kienet tipproduċi u tittrasmetti programmi tat-televiżjoni u tar-radju.

Kien proprju f’dan iż-żmien meta wieħed mill-aqwa atturi komiċi u kittieba ta’ skripts Maltin, Charles Clews, ta kontribut fir-radju lokali Malti. Fil-fatt permezz ta’ ‘Radju Muskettieri’ żamm lil poplu Malti ferħan bil-kummiedji li huwa kien famuż għalihom.

Ritratt: Facebook – PBS Malta

Attur kommiku ieħor li ħadd ma jista’ jinsa għax kien eċċezzjonali f’xogħlu, kien Johnny Navarro. Kontu tafu li huwa deher f’waħda mill-ewwel kummiedji fuq l-MTV bl-isem “Popping The Pops”, flimkien ma’ Victor Aquilina?

Fl-1975, is-servizz tat-televiżjoni ġie nazzjonalizzat, u minn hemm beda jissejjaħ ix-Xandir Malta. Kien f’dan iż-żmien meta Malta kellha l-ewwel qarrejja tal-aħbarijiet mara. Din kienet ħadd ħlief Anna Bonanno, li hija magħrufa bħala waħda mill-aktar xandara li damet taqra l-aħbarijiet.

Ma rridux ninsew ukoll il-bidla li saret fl-1981, meta ġiet imnedija t-trasmisjoni bil-kulur. Kien proprju fit-tmeninijiet meta waħda mill-atturi u preżentaturi bravi dehret fuq it-televiżjoni Malti bi programmi għat-tfal. Din kienet Eileen Montesin li preżentat ‘Kikku u Sika’. Min jiftakru?

Ritratt: Facebook – PBS Malta

Fl-1991, ix-xandir nazzjonali għadda minn ristrutturar, u b’hekk twaqqfet il-Public Broadcasting Services Ltd biex tieħu f’idejha l-operat ta’ Xandir Malta. 21 sena wara, fl-2012 ġiet inawguarata l-PBS Creativity Hub, f’għeluq il-50 anniversarju mill-ewwel xandira tal-MTV.

60 sena ta’ storja għat-televiżjoni Maltija! Grazzi kbira lil kull minn kien involut u ħadem biex żamm kumpanija lill-poplu Maltin u Għawdxi, matul dawn is-snin. Nawguraw, li fis-sittin sena li ġejjin jitkompla dan il-progress ferm tajjeb ħalli l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jieħu gost bil-programmi li aħna l-Maltin nafu nipproduċu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks