Fr. David Muscat joħroġ illiberat mill-akkużi miġjuba kontrih, dawk li bid-diskors tiegħu inċita mibgħeda u vjolenza fuq persuni LGBTIQ.
F’kumment li kiteb fuq Facebook f’Jannar li għadda, Fr. David Muscat kien qal li jekk is-suspettat qattiel ta’ Paulina Dembska, Abner Aquilina, kien omosesswali jew bisesswali, kien ikun agħar milli kieku hu possedut mix-xitan.
Huwa kien qabbel ukoll l-orjentazzjonijiet sesswali flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali ma’ xi ħadd li skont hu jkollu l-pressjoni għolja, zokkor u kanċer f’daqqa.
Madankollu, skont rapport minn TVMNews, Il-Maġistrat Ian Farrugia qal li bil-kumment tiegħu, Fr. David Muscat esprima opinjoni iebsa, redikola, ħażina, umiljanti għalih u estrema, li anki tista’ titqies potenzjalment insolenti iżda ma tista’ titqies bħala waħda li tinċita mibgħeda jew vjolenza kontra persuni.
Għaldaqstant, Fr. David Muscat ħareġ illiberat minn kull akkuża miġjuba kontrih.
