Select Page

Nitkellmu ma’ Christopher Barbara Fenech

Min hu verament Christopher Barbara Fenech?

Bħala persuna, jien it-tip li ma tantx naqta’ qalbi malajr mill-affarijiet li niffaċċja ruħi magħhom fil-ħajja. Inħobb ħafna l-ajruplani u l-affarijiet sempliċi ukoll u kif ukoll inħobb ħafna in-natura. Naħdem bħala ‘Operations Manager’ u ‘Marketing’ ma’ kumpanija tat-‘Turnkey’. Bħala passatempi nħobb inpitter ħafna u nħobb ukoll nara l-aħbarijiet biex inkun naf x’inhu jiġri madwarna kemm f’Malta u kemm madwar id-dinja. Il-familja hija l-aktar ħaġa għażiża li għandi f’ħajti. Għadni kif iżżewwiġt lill-mara ta’ ħajti li tieħu ħafna paċenzja bija però ninħabbu b’imħabba bla qies ukoll.

Din is-sena rajnik f’żewġ sensiliet b’saħħithom. Noli u Sorelle. X’tagħmel biex toħloq u tidħol f’żewġ karattri differenti fl-istess żmien? U tagħmel differenza għalik bħala attur, bejn serje ta’ darba fil-ġimgħa u dik ta’ kuljum?

Ħa nkun onest mhijiex faċli tinterpreta żewġ karattri f’daqqa f’serje differenti speċjalment jekk ikunu karattri naqra b’saħħithom bħal ma kelli. Però meta tikkonċentra u tinsa għal ftit ħin id-dinja ta’ madwarek jirnexxilek tidħol fid-dinja tal-karattru li tkun qed tagħmel. Mhijiex ħaġa li tfaqqa’ subgħajk u tagħmilha, però jekk tkun determinat li trid toħroġ il-mija fil-mija tal-karattru jirnexxilek. Bejn serje ta’ darba fil-ġimgħa u ta’ kuljum, wieħed irrid jifhem li it-tnejn li huma fihom ix-xogħol tagħhom u karattru anke jekk ikollok biċċa żgħira trid taħdem u tistudjah sew il-karattru għax kollox ikun importanti.

Il-famuża domanda, teatru jew televiżjoni? U għalfejn?

Naħseb l-aktar domanda diffiċli li anke jien nistaqsi lili nnifsi. Ħeq mhux faċli tagħżel għax it-tnejn jagħtuk sodisfazzjon differenti u t-tnejn jirrikjedu determinzzjoni u ppjanar sew bix taħdimhom.

Tara li d-drama Maltija miexja ‘l quddiem bħala kwalità? Temmen li ‘l quddiem għad naraw produzzjonijiet li jagħmluha għal fuq siti internazzjonali, bħal pereżempju Netflix? Jew minħabba l-limitazzjoni ta’ baġit hija impossibbli?

Bħala drama nemmen li qed nilħqu ċertu livell iva, però tajjeb li wieħed jifhem li biex ikollna prodott li jkun ta’ livell internazzjonali irridu nagħtu importanza kbira l-baġit li qed ikollhom il-production houses kif ukoll lit-tim kollu mill-kbir saż-żgħir. Nixtieq nara lill-pajjiż jgħin ħafna aktar lill-production houses hawn malta speċjalment min-naħa ta’ finanzi għax vera għandna nies kapaċi u kreattivi hawn Malta.

Fejn se nkunu qed naraw lil Christopher fl-iskeda l-ġdida?

Din is-sena ħa nkun qed inkompli s-serje ta’ Noli, li l-karattru li għandi, ta’ Zack, qed naħdmu verament għal qalbi għax flimkien mat-tim tal-produzzjoni rnexxielna namalgamaw ukoll mal-karattru l-passatemp tal-arti ukoll!

Sezzjoni Vi jew Va

Serje jew Film – Serje

Ktieb jew e-Book – Ktieb

Sajf jew Xitwa – Żgur Sajf

Filgħodu jew Filgħaxija – Filgħaxija

Kelb jew Qattus – Qattus

Iċċempel jew tibgħat messaġġ – Nibgħat messaġġ

Instagram jew Facebook – Facebook

Tonfoq jew Tfaddal – Nonfoq

Torqod fuq ix-xellug jew fuq il-lemin tas-sodda – Lemin

Te jew Kafè – Kafè u jrid ikun espresso jekk jogħġbok!

Iced Coffee jew Kafè jaħraq – Jaħraq

Pizza jew Burger – Burger

Għaddi messaġġ għall-udjenza ta’ Skoperta

Għixu l-ġurnata sekonda b’sekonda u apprezzaw kull ħaġa li għandkom f’ħajjitkom. Qatt taqtgħu qalbkom, minn xejn, għax kulħadd kapaċi għal xi ħaġa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks