Waħda mill-aktar sensiliet segwiti fuq Netflix bħalissa, inkluż mill-Maltin, huwa dak ta’ Jeffrey Dahmer.
Din id-drama bl-isem ta’ Dahmer – Monster: The Jeffrey Dahmer Story, dwar is-serial killer Amerikan Jeffrey Dahmer, kisbet ċifri enormi ta’ segwaċi iżda wkoll kritika minn nies li jgħidu li hija insensittiva.
Dahmer qatel 17-il tifel u żagħżugħ, li ħafna minnhom kienu ta’ karnaġġjon skur u omosesswali, bejn l-1978 u l-1991.
Kienu ħafna li rreaġixxew b’mod negattiv għal din is-serje, fosthom kien hemm oħt wieħed mill-vittmi ta’ Dahmer, li ddeskriviet is-serje bħala ħarxa u insensittiva.
Rita Isbell, li ħuha Errol Lindsey kellu 19-il sena meta nqatel, tat dikjarazzjoni tal-impatt emozzjonali tal-vittma fil-qorti fl-1992, iżda qalet li ma kinitx infurmata li b’xi mod se tkun inkluża fis-serje ta’ Ryan Murphy.
Hija qalet lill-Insider, li meta rat ftit mis-serje dejjaqha, speċjalment meta rat isimha fuq l-iskrin u l-attriċi tgħid dak li kienet qalet hi fil-qorti.
Qalet ukoll li Netflix kellu jagħti ftit mill-flus mis-serje lit-tfal u n-neputijiet tal-vittmi.
Id-delitti ta’ Dahmer kienu jinvolvu wkoll il-kannibaliżmu u n-nekrofilja. Huwa kien instab ħati fl-1992 u kien maqtul fil-ħabs sentejn wara.
Anne E Schwartz, il-ġurnalista li ppubblikat l-istorja tad-delitti tiegħu fl-1991, qalet li l-produtturi tal-films ħadu “liċenzja artistika” b’ħafna dettalji ewlenin, u qalet li dak li jintwera fuq is-serje ma jirriflettix ħafna mill-fatti tal-każ.
Qalet ukoll li r-rappreżentazzjoni tal-uffiċjali tal-pulizija tal-belt bħala razzisti u omofobiċi ma kinitx korretta.
Netflix ġie wkoll ikkritikat talli inizjalment ikkategorizzaha bħala serje tal-LGBTQ, li din il-kategorija tneħħiet aktar tard.
Minkejja l-kontroversja li qamet, ma waqqfitx lis-serje milli jikseb l-ogħla ċifri ta’ segwaċi fl-ewwel ġimgħa biss
Is-serje, b’Evan Peters jinterpreta l-karattru ta’ Dahmer, kienet segwita għal 196.2 miljun siegħa fl-ewwel ġimgħa tagħha, u bħalissa jinsab ikklassifikat fl-ewwel post fuq Netflix f’aktar minn 60 pajjiż.
