Select Page

Kmieni dalgħodu l-aġenzija Circular Economy Malta (CEMalta) ħabbret fuq il-paġna ta’ Facebook li l-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb se tibda topera minn nhar it-Tnejn, 14 ta’ Novembru 2022. Skema li se tinċentiva lilek biex tarmi u tirriċikla l-iskart b’mod sostenibbli, filwaqt li tiskoraġġixxi l-iskart tal-plastik u skart ieħor li jniġġes l-art u l-baħar.

Madwar il-gżejjer Maltin qed jiġu nstallati 320 Reverse Vending Machines (RVMs), li wieħed jista’ juża ladarba jirritorna l-kontenituri tax-xorb vojta. Ma’ kull kontenitur li wieħed jitfa’ ġo dawn il-magni, jieħu lura depożitu ta’ €0.10ċ, fil-forma ta’ vawċers li jissarfu fi ħwienet li jbiegħu dawn il-kontenituri tax-xorb.

L-iskema se tiġbor u tirriċikla kontenituri tax-xorb tal-plastik, azzar, aluminju jew ħġieġ, li tinkludi fliexken jew bottijiet ta’:

  • ilma u ilma bit-togħma
  • luminati bil-gass jew bla gass;
  • cider, birer u xorb tax-xgħir
  • kafè lest biex jiġi kkonsmat;
  • xarbiet alkoħoliċi aromatizzati li jkollhom livell ta’ kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il 5%;
  • dilutables.

Importanti tkunu tafu li fliexken jew bottijiet tal-inbejjed, spirti, u meraq tal-frott (juices) huma esklużi minn din l-iskema.

Inti li qed taqra dan l-artiklu, inħeġġuk biex tagħmel użu minn din l-iskema, ħalli inti tkun qed tgħin fl-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.cemalta.gov.mt jew www.bcrsmalta.mt, jew ikkuntattja lil CEMalta permezz ta’ email fuq info@cemalta.gov.mt jew bit-telefon fuq 2226 8200.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks