Select Page

Ylenia kienet l-isbaħ tfajla li qatt kien ra. F’ħajtu kollha.
U hi, tbissmitlu minn taħt għaliex dehret li kienet ta’ ftit kliem.
U minn dakinhar. Lee ħassu jagħmel parti minn dan il-ħanut. Kuljum kien imur għal qalbu x-xogħol. Forsi għax kien jogħġbu, jew forsi għax kien ikun hemm Ylenia. Iva, aktar għax kien ikun hemm Ylenia.
Dejjem xtaq ikellimha. Xtaq isaqsiha ftit fuqha nnifisha, iżda kien jistħi. Kien jistħi wisq.
“Min jaf………kieku……..min jaf……?” kien beda jgħidilha.
U hekk malli ħarset lejh, beda jħoss id-demm tiela’ għal rasu.
“Biex nixtri ktieb,” kważi bela’ lsienu bil-mistħija.
Ylenia tbissmitlu. Dawk l-għajnejn kannella kbar u sbieħ, dik il-ġilda bajda fina, dawk ix-xufftejn żgħar u puliti.
“Ingeżwirulek?” qaltlu. Għax hi kienet taf tgeżwer il-kotba b’sengħa kbira u anke Rudy lilha kien iqabbad biex tgeżwirhom.
“Iva,” weġibha Lee, wisq mistħi. U telaq ‘il barra jgerger miegħu nnifsu.
Ried isib il-kuraġġ. Il-kuraġġ sabiex jgħidilha. Jgħidilha li kienet togħġbu! Imma kif seta’ jsib il-kuraġġ biex jgħidilha hekk meta lanqas kuraġġ ikellimha ma kellu?
“Min jaf………….” reġa’ beda jgħidilha l-ġurnata ta’ wara.
Malli daret tħares lejh, reġa’ qalilha li ried jixtri ktieb. U hi kienet aċċettat li tgeżwirulu mill-qalb.
U hekk kien spiċċa, li kuljum kien ikun ser ikellimha, u minflok ma jibda jistaqsiha fuqha nnifisha, kien jgħidilha biex tgeżwirlu ktieb.
“Kemm qed tinteressa ruħek f’kotba!” kienet qaltlu nanntu b’ton sarkastiku, hekk kif ratu dieħel id-dar bi ktieb ieħor imgeżwer f’idejh u jwaddbu ġol-kaxxa tal-kartun li kellu f’kamartu, li ftit ftit kienet qiegħda timtela b’kotba mgeżwrin u li qatt ma kien jiftaħ.
“Aqtagħha nann!” weġibha kważi urtat.
Nanntu berrqet lejh minn taħt il-lenti li kienet tuża biex tirrakkma.
“Jekk qed tibża’ għal ilsienek, tibqax……” qaltlu.
Lee inħasad.
“Il-ħajja qasira, Lee. U inti taf dan daqsi……….is-snin igerrbu. Ma jistennew lil ħadd. Jekk għandek tagħmel xi ħaġa llum, tistennix għal għada.”
Lee għamlilha iva b’rasu u ddeċieda li l-għada kien ser jagħmel mezz ikellem lil Ylenia.
“Min jaf………kieku……..min jaf?” staqsieha l-jum ta’ wara.
Kienu qegħdin f’mument kwiet li ma tantx kien hemm nies fil-ħanut u Lee sab ix-xoqqa f’moxta.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks