Select Page

Inkomplu nitkellmu mal-atturi li se jinterpretaw karattri f’sensiliet ġodda f’din l-iskeda, u din id-darba jmiss lil żewġ uċuħ ċertament familjari magħkom is-segwaċi, Ruth Sammut Casingena u Henry Zammit Cordina.

Ruth u Henry se jkunu qed jinterpretaw żewġ karattri prinċipali fis-sensiela l-ġdida, Bizzilla.

X’se jkun jismu l-karattru tiegħek u kif tiddeskrivih?

Ruth: Ariana. Mara ġejja minn familja tat-tajjeb, miżżewġa intraprenditur, omm, għandha abbiltà fil-karriera tagħha, imma mhix kuntenta biċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitha fil-preżent.

Henry: Il-karattru tiegħi jismu Max. Bniedem bla skrupli, u l-poter huwa essenzjali għalih.

Għandu xi karatteristiċi simili għall-karattru reali tiegħek?

Ruth: Kwieta, toqgħod lura f’ċerti ċirkostanzi, sinċiera, determinata.

Henry: Jifhem il-problemi li jkollu, janalizza u jiżen it-triq li jieħu biex jasal.

U x’għandu differenti?

Ruth: Għad irrid niskopri.

Henry: Kif għedt, bla skrupli. Mhux se jiddejjaq iweġġa’ lil min jopponih, akkost ta’ kollox.

X’jogħġbok l-aktar mill-karattru u xi jdejqek l-aktar?

Ruth: S’issa għoġbitni s-sinċerità ta’ Ariana. S’issa għadni ma ltqajtx ma’ aspett mill-karattru ta’ Ariana li urtani. Għadu ma żviluppax biżżejjed dan il-karattru s’issa u l-istorja għadha qed tiżvela ruħha bil-mod il-mod, rigward ix-xeni li diġà rreċtajt.

Henry: Bniedem cool, modern u jħobb igawdi. Ir-rispett lejn ħaddieħor ma tantx jeżisti.

X’inhi l-akbar sfida li sibt fl-interpretazzjoni ta’ dan il-karattru?

Ruth: Nittama li nkun nista’ nwieġbek fil-futur qarib dwar dan. S’issa, inħossni li nista’ nirrelata mmensament ma’ dan il-karattru.

Henry: Li ma nkunx John Cassar, karattru ewlieni fi Ħbieb u Għedewwa.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala wieħed/waħda mill-atturi ta’ din is-sensiela?

Ruth: Ilni nieqsa mix-xena tal-filming għal madwar għaxar snin. Iffukajt fuq it-trobbija ta’ ibni u din minn dejjem kienet il-prijorità f’ħajti. Issa li Jake għandu għoxrin sena, qed inkompli fejn ħallejt. Erġajt inagħqadt ma’ Rikordja u apparti mill-fatt illi l-filming huwa ferm għal qalbi, inħossni verament kuntenta illi qed nerġa’ naħdem f’dan l-ambitu u li jien waħda mill-atturi ta’ din l-istorja. Tim verament ħelu, kulħadd jistinka biex iwassal din is-sensiela b’mod awtentiku. Meta nkun fuq is-sett, l-hena tiegħi, speċjalment fil-kumpanija tal-crew u l-atturi, li dejjem jirnexxielha tinħoloq atmosfera ta’ teamwork u fl-istess ħin ħbiberija. Esperjenza ferm għal qalbi u dejjem inħossni looking forward għal aktar xeni. Inħossni kuntenta li jiena waħda mill-atturi ta’ din is-sensiela dinamika.

Henry: Ma’ Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa u t-tim tagħhom ħdimt kemm-il darba. Huwa dejjem ta’ pjaċir naħdem magħhom u dejjem fdawli partijiet interessati. Qed nieħu pjaċir naħdem ma’ atturi ħbieb tiegħi u oħrajn ġodda li għandhom talent kbir. Mhijiex ħaġa faċli li tieħu sehem ġo drama li tixxandar ħames darbiet fil-ġimgħa, kważi kuljum. L-impenn huwa kbir ħafna.

Għaliex it-telespettaturi għandhom isegwu Bizzilla?

Ruth: Bizzilla hija serje b’differenza. Iva, fiha l-intriċċi, bħal ma fihom teleserje oħrajn, però l-plot tal-istorja jibda minn spunt pjuttost differenti minn tas-soltu u l-istorja tiżvolġi f’diversi kumplessitajiet b’konsegwenzi li jinħolqu minn dan l-ispunt li titlaq minnu. Bizzilla, b’mod speċjali, tappella ferm għaż-żgħażagħ kif ukoll żgur se tolqot lill-ġenerazzjoni adulta . Ninsab ċerta illi l-poplu se jħossu jista’ jirrelata b’mod speċjali mad-diversi ċirkostanzi, intriċċi u sentimenti personali li se jiżvelaw irwieħhom matul din is-sensiela. Grazzi.

Henry: Min iħobb id-drama Maltija għandu xalata, storja tajba u intriganti, ta’ kuljum, atturi stabbiliti u uċuħ ġodda ta’ talent. Kollox maħdum bizzilla!

Is-sensiela Bizzilla, se tibda tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minn nhar it-Tnejn, it-3 ta’ Ottubru, fl-15:45 fuq TVM.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks