Select Page

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Evarist Bartolo esprima t-tħassib tiegħu dwar il-bini ta’ ħafna lukandi f’pajjiżna.

Huwa semma li ħdejn ħabib tiegħu, li joqgħod fi triq dejqa f’Tas-Sliema, qed jinbnew żewġ lukandi ġodda. “Hemm bżonnhom dawn il-lukandi ġodda qalb ir-residenti?” staqsa Evarist Bartolo.

Evarist qal li f’dawn l-aħħar snin, kull min ried jibni lukanda ġdida jew ikabbar, tħalla jagħmel dan. “Biex issa qed jingħad li ħafna minnhom huma żejda għax m’għandniex bżonnhom.”

Qal li biex jimtlew tajjeb, iridu jiġu kważi 5 miljun turist fis-sena u stqarr li pajjiżna ma jiflaħx għal dawk il-miljuni kollha.

“Hija responsabbiltà tal-gvern li bħal bidwi għaqli, ilaqqel u jieħu ħsieb l-għalqa bil-ħsieb.”

Evarist Bartolo

Huwa staqsa għaliex il-gvern ħalla lill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità Nazzjonali tat-Turiżmu jibqgħu joħorġu ħafna permessi żejda għal iżjed bini u tkabbir ta’ lukandi.

Kompla jgħid li turiżmu esaġerat, bl-addoċċ u bla pjan joqtol lit-turiżmu, ikerrah il-pajjiż u jdawwar lir-residenti kontra t-turisti, kif ukoll itellef lill-pajjiż l-attrazzjoni tipika tiegħu.

Filwaqt li staqsa għal min qed jinbnew, Evarist saħaq li tħalli l-bini bl-addoċċ u bla pjan ta’ iżjed lukandi, appartamenti u uffiċini, u tittama li b’xi mod jew ieħor se jimtlew, mhuwiex għaqli.

Daqstant ieħor mhuwiex għaqli li tħalli s-suq jirregola x’jiġri wara li l-bini jkun tela’, skont Evarist.

Żied jgħid li l-“id inviżibbli tas-suq” li b’xi mod mirakulu waħedha toħloq il-ġid komuni għax tikkoreġi l-egoiżmu u l-interessi personali tan-negozju, hija ħrafa.

“Li żgur mhijiex ħrafa hi li ħnoqna bil-bini lil din it-tikka ta’ art u għamilna lill-pajjiż ma anqas pjaċevoli li tgħix fih.”

Evarist Bartolo

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks