Select Page

Sensiela oħra ġdida hija dik li ġġib l-isem Ta’ Gerit, u biex niskopru aktar dwarha se nitkellmu mal-attur ferm popolari Fabian Scerri De Carlo, li se jkun qed jinterpreta wieħed mill-karattri prinċipali.

X’se jkun jismu l-karattru tiegħek, u kif tiddeskrivih?

Se jkun jisimni David. Karattru sempliċi, tat-triq u komuni. Missier ta’ familja tipikament Maltija. David, iben is-sajjieda. Sajjied imma b’ħolm oltre. Il-baħar umbrah wara li belagħlu lil missieru. Hu u Marija, fuq kollox jinħabbu.

Għandu xi karatteristiċi simili għall-karattru reali tiegħek?

Il-fatt li hu missier u li jagħmel ħafna għall-familja. Huwa jgħożż ħafna l-valuri fosthom l-imħabba, l-impenn u s-sagrifiċċju li jirrikjedu biex iżżomm il-familja magħquda u kuntenta. Forsi naqra nervuż bħali.

U x’għandu differenti?

Żgur m’iniex delettant tas-sajd u l-ħut, lanqas ma ninnegozja fih. Jien bħala Fabian, forsi ma noħlomx daqskemm joħlom David fejn jidħol negozju.

X’jogħġbok l-aktar mill-karattru u xi jdejqek l-aktar?

Jogħġobni l-fatt li hu karattru li qed jesperjenza dak kollu li ġġib magħha r-realtà tal-ħajja, kemm il-ferħ, l-għawġ, in-niket u s-suċċessi. M’hemm xejn li jdejjaqni.

X’inhi l-akbar sfida li sibt fl-interpretazzjoni ta’ dan il-karattru?

Inħoss li l-isfida li nsib, hija li nilħaq l-aspetattiva li għandu Desier Debono, li hu l-kittieb u d-direttur ta’ din is-sensiela, u l-fatt li jkolli xi xeni fuq il-baħar, mhux dejjem inkun komdu, u dan għaliex meta l-baħar ikun xi ftit imċaqlaq, nammetti li jagħmilli xi ftit tad-deni.

Mingħajr ma tiżvela ħafna, hemm xi xena li żgur qatt mhu se tinsa? Għaliex?

S’issa x-xeni ta’ fuq il-baħar. Imma ċert li ‘l quddiem se jkun hemm ħafna iktar. Xena oħra li tibqa’ f’moħħi hi meta mort iċ-ċimiterju npoġġi bukkett fjuri fuq il-qabar ta’ missieri u qabditni ċertu dieqa, għax ftakart f’missieri li miet ftit tax-xhur ilu.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala wieħed mill-atturi ta’ din is-serje?

Esperjenza sabiħa għax qiegħed naħdem ma’ atturi stabbiliti u ma oħrajn ġodda. Inħoss li hemm atmosfera ta’ familja kemm mal-atturi, direttur, u kif ukoll mal crew. Hemm sens ta’ ħbiberija sinċiera u din tinħass sew għax naħdmu lkoll bħala tim.

Hemm xi karattru partikolari ieħor li taħseb li se jħalli impatt fuq it-telespettaturi?

Naħseb li b’xi mod jew ieħor kemm Gerit, kif ukoll Marija, interpretati ferm tajjeb minn Theresa Gauci kif ukoll minn Alison Abela, se jħallu impatt fuq it-telespettaturi flimkien ma’ karattri oħrajn.

Għaliex it-telespettaturi għandhom isegwu Ta’ Gerit?

Għaliex hija sensiela għall-familja kollha, li ftit jew wisq kulħadd se jħossu li hu parti minn xi sitwazzjoni jew oħra, jew forsi għax ikun ġarrabha hu, jew ikun għadda minn sitwazzjoni simili xi ħadd mill-għeżież tiegħu.

U dan għax l-istorja hija bbażata fuq ir-realtajiet tal-ħajja kif ukoll storja attwali u mexxejja ħafna, bla tiġbid, fejn wieħed ikun jista’ jirrilassa mal-familja u joqgħod isegwi l-episodji “Ta’ Gerit”.

Is-sensiela Ta’ Gerit se tibda tixxandar minn nhar it-Tlieta, l-4 ta’ Ottubru, fid-21:00 fuq TVM.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks