Produzzjoni ġdida li matul dawn l-aħħar xhur minn mindu sirna nafu dwarha, qanqlet interess fost ħafna hija dik bl-isem ta’ The Women of George Cross Island.

Wara s-suċċessi preċedenti tagħhom, Sharp Shoot Media Ltd, se jkunu qed iwasslulna din il-produzzjoni unika dwar personaġġi storiċi nisa li l-ħidma tagħhom kienet kruċjali fl-istorja ta’ pajjiżna, iżda li ftit li xejn ingħataw importanza, tant li mhux biss intesew imma ħafna minna żgur li l-biċċa l-kbira tal-Maltin, qatt ma semgħet bihom.

Dwar dan, se nitkellmu ma’ Justin Farrugia, li f’intervista esklussiva, se niskopru aktar dwar uħud mill-karattri ewlenin ta’ din is-serje, kif ukoll dwar il-ħidma intensiva li saret biex fi ftit sigħat oħra, se nkunu nistgħu nsegwu dan il-kapulavur.

The Women of George Cross Island – Kif oriġinat l-idea li tinħadem din is-serje?

Bħalissa nkunu ħerqana ħafna għaliex f’inqas minn 3 ijiem se nkunu qed nurukom produzzjoni ġdida ta’ Sharp Shoot Media li l-għan tagħha hi li nagħtu ġieħ lil persuni li magħhom l-istorja ta’ pajjiżna ma kinitx ħanina.

L-idea ilha ħafna li faqqset. Dak iż-żmien li konna għadna qegħdin naħdmu fuq Strada Stretta, Kim Dalli, li kienet attriċi fih, semmietli li bħala ġurnalista kienet intervistat nisa li kienu jaħdmu ġewwa Lascaris bħala plotters. Jgħaddu erba’ snin u jien u l-mara tiegħi Angelle konna mistednin għand Kim u r-raġel tagħha Daniel; rajna film riċenti tal-gwerra u reġa qam l-argument.

Ftit domna naħsbuha, issuġġerejt li minflok nisa li kienu jaħdmu ġewwa Lascaris ikun xieraq kieku nespandu l-istorja fuq nisa oħra li ħadmu għall-pajjiżna. Qbilna u bdejna din l-avventura. Konna xxurtjati li fl-2013, is-sur Simon Cusens kien diġà għamel studju fuq ir-rwol tal-mara fil-gwerra li wħud min-nisa li se naraw diġà kienu jissemmew. Dan kien il-punti ewlieni tat-tluq; Ir-riċerka ta’ Kim daħlet tassew iktar fil-fond tant li se nkunu qed naraw karattri, stejjer dokumentati li qatt qabel ma kien ra id-dawl tax-xemx.

Fatt interessanti huwa li kull xena li se naraw f’din is-serje ġrat fir-realtà, u huma dokumentati. Xi wħud minn dawn id-dokumenti nstabu permezz tar-riċerka magħmula speċifikament għal The Women of George Cross Island; li qed tittella’ grazzi għall-fondi ta’ Kultura TV u l-Arts Council; kif ukoll għall iskema ta’ fondi Screen Malta ta’ Malta Film Commission u grazzi għall-GO (Tokis)

Meme Cortis

Għidilna ftit dwar il-karattri ewlenin ta’ din is-serje.

L-istorja ta’ Malta hija rikka ħafna, u filwaqt li nsibu bosta dokumentazzjoni permezz ta’ filmati u ritratti li juru rġiel impenjati fit-taqbid mal-għadu, ftit li xejn insibu l-istess dokumenti dwar nisa li kienu attivi waqt il-gwerra. Dawn in-nisa mhumiex biss Maltin; imma ħadmu bis-saħħa biex jiżguraw li pajjiżna jibqa’ fuq saqajh f’wieħed mill-agħar kapitli fl-istorja tad dinja.

The Women of George Cross Island se jkun qed jesplora sewwa madwar għaxar nisa prominenti. Se niltaqgħu ma’ Irene Condachi, waħda minn żewġ nisa tobba fil-gwerra, mara li waħedha qerdet l-iscabies mill-iskejjel kollha ta’ pajjiżna.

Irene Condachi

Christina Ratcliffe, li minn artista tal-cabaret ġewwa il-Morning Star laħqet kaptan tax-xift tagħha bħala plotter ġewwa Lascaris. Se naraw kif is-Sinjura Mabel Strickland mexxiet il-gazzetta Times of Malta b’ponn tal-ħadid fl-agħar mumenti tat-taqbid mill-ajru, u kif ħarbet minn ħalq il-mewt. Tajjeb li ngħidu li waqt air raid Mabel kwazi qatt ma niżlet ġewwa x-xelter.

Mabel Strickland

Se niltaqgħu ma’ Mike Morris; persuna li letteralment iġġieldet biex tinżel tgħin fiż-żmien meta pajjiżna kien għaddej mill-agħar mumenti tiegħu.

Mike Morris

Se niltaqgħu ma’ Mary Ellul, mara magħrufa għas-saħħa sovra-umana tagħha u li xogħolha kien li televa l-midruba, jew mejta, minn taħt it-tifrik, mara li minkejja d-dehra imponenti tagħha jidher li kellha qalb tad-deheb.

Mary Ellul

Kontu tafu minn kienet l-iktar kantant popolari f’pajjiżna waqt il-gwerra? Ma kienet ħadd ħlief Mary Miles, il-parti li għaliha se nkunu qed nerġgħu naraw lil Paula Zammit Mintoff. Eh u bilħaqq kontu tafu li Paula tkanta? Jien din kienet xi ħaġa li kelli pjaċir kbir li niskopri u nħaddan talent ieħor minn tagħha fuq produzzjoni minn tagħna. Ma’ dawn se nkunu qed naraw diversi karattri oħra li l-istorja tagħhom hija tassew inkredibbli u ma nkunx qed nagħmel ġustizzja magħhom f’erba’ sentenzi.

Mary Miles

Kien faċli l-proċess biex jintgħażlu l-atturi li se jinterpretaw dawn il-personaġġi? X’kien li finalment wassalkom għall-atturi magħżula?

Ma kien faċli xejn, wara sejħa għall-atturi, li ġiet milqugħa minn ‘il fuq minn 200 persuna, kelli npoġġi u nerġa’ nara kull awdizzjoni waħda, waħda. Nammetti li rajt ħafna talent, ħafna iktar minn kemm stennejt. Li jkollok tagħżel, hija esperjeza iebsa ħafna speċjalment meta jien inħobb naħdem ma’ kulħadd, u li ftit ftit mal-atturi dejjem insibu jew naslu biex il-karattri jsiru persuni tridimensjonali. Din id-darba kien ftit itqal ukoll għall-fatt li dawn in-nies għexu magħna u għadhom fil-memorja kollettiva ta’ ħafna nies; fosthom tal-familjari tagħhom. Wieħed mill-ewwel fatturi li fittixna kien it-talent u minħabba f’hekk ġieli kelli xi għaxar kontestanti għall-istess karattru. Imma tassew kelli tħassib ieħor li beda jikber sew; dawn għandna ir-ritratti tagħhom f’idejna u wħud minnhom huma magħrufa sew fil-memorja kollettiva tan-nies; għaldaqstant kellna nsibu x-xebħ ukoll. Esepriment li seta’ jirnexxi biss anke bl-għajnuna tat-tim tagħna, Krista, li f’idejha kien il-Make up, Conrad Catania, Mark Stafrace u Soraya, li f’idejhom kien ix-xagħar u kif ukoll tal-mara tiegħi Angelle, li ħadet ħsieb li l-kostumi jkunu ezatt bħal dawk li nsibu fir-ritratti awtentiċi tagħhom, għal dan il-għan tista’ tgħid saret riċerka u studju ieħor biex nibqgħu awtentiċi.

Liem elementi se jkunu qed jispikkaw b’mod partikolari?

Ħafna elementi jagħmlu din il-produzzjoni unika. Ibda biex Il-livell tal-atturi, kif ukoll id-dawl impekkabbli tad-direttur tal-fototografija Isaac Fenech li bħal dejjem ma waqafx minuta qabel ra li l-istampa kienet perfetta. Apparti dan, jien, Steven Dalli, Isaac Fenech stess, John Galea u Giovann Baldacchino, qlajna ruħhna sabiex bnejna wħud mill-iktar settijiet kbar li qatt bnejna, bnejna l-isptar tal-imtarfa, ħloqna siti milquta mill-bombi, l-uffiċċju tat-Times of Malta u kif ukoll appartament ġewwa Ruma f’postijiet li sibnihom letteralment ġebel u saqaf.

Marco Stafrace permezz tal-grafika reġa’ bena t-teatru rjal wara l-istraġi li ħallew f’pajjiżna l-ajruplani Nazzisti. Tajjeb li ngħidu wkoll li l-muntaġġ ta’ Angelle Farrugia huwa, għal darb’oħra, ta’ livell għoli ħafna. Għall-ewwel darba ħdimt ukoll bi splużjonijiet propja li jintużaw fl-ikbar produzzjonijiet ċinematografiċi; bħala direttur din hija memorja li żgur se nibqa’ ngħożż.

Kemm tirrikjedi riċerka produzzjoni bħal din?

Wisq, Kim Dalli ta’ spiss qaltli li xena waħda biex tinkiteb kellha ssibha mqassma f’biċċiet minn diversi sorsi, jiġifieri sentenzi uniċi misluta minn awturi u kotba differenti u li nkitbu fi żminijiet differenti. Hi tqabbilha ma’ jigsaw puzzle kbira li b’xi mod, sa fl-aħħar, se nkunu qed narawha magħquda minn ġimgħa għall-oħra.

Huwa tassew miraklu li wara tant snin, issa nistgħu nfakkru l-memorja ta’ dawn in-nisa li sal-lum ftit li xejn jafu minn kienu. Dawn kienu nisa li batew il-ġuħ u li tefgħu ħajjet ħaddieħor qabel tagħhom. Jien nittama li se nkun qed nagħmel ġustizzja minn dawn in-nies li tant ħaqqhom apprezzament xieraq.

Din mhijiex l-ewwel produzzjoni tagħkom li ħdimtu dwar żminijiet imgħoddija f’Malta. X’jiddistingwi din il-produzzjoni mill-oħrajn?

Għall-ewwel darba se nkunu qegħdin naraw biċċiet biografiċi ta’ nisa li kienu jimxu mill-istess toroq li x’aktarx għaddejna minnhom aħna. Għall-ewwel darba se nkunu qed naraw l-aspett soċjali tal-mara b’mod awtentiku. Kull xena li se nkunu qed naraw hija llustrazzjoni ta’ fatti dokumentati, u dan jitfa’ fuqna risponsabbiltà doppja fuqi bħala direttur u fuqi u fuq Steven Dalli bħala produtturi. L-ewwel biex naraw li nirrispettaw lil kulħadd, ma ninsewx li l-familjari tagħhom huma ħerqana daqsna biex jarawh. It-tieni biex vera nitgħallmu napprezzaw il-mara u l-ħdima tagħha mingħajr riżervi.

Waħda mill-ewwel affarijiet li b’kemm għandi saħħa mbuttatni biex noħloq din is-serje kienet ir-rispett u l-imħabba lejn ommi. Ħadd ma jaf kemm flimkien ma’ missieri batew biex jaraw lilna nies. Dan kien il-ħsieb li kielni minn ġewwa u weġġagħni meta naħseb li dawn in-nisa intesew. Huwa ta’ uġigħ għalija li ndur kemm indur ma ssibx monument wieħed iddedikat għalihom, lanqas triq waħda fil-fatt. Hekk ħaqqu min ikun ħadem tant għal ħaddiehor. U dan il-kliem ħareġ ukoll minn fomm waħda min-neputijiet ta’ Henrietta Chevalier, Maltija li nqabdet ġewwa Ruma bi tmint itfal u li salvat madwar erbat elef ruħ billi taħbihom fl-appartament tagħha u tal-familja tagħha. Kieku nqabdet din kien tinqatalha għall-mewt. Tajjeb li ngħid li ġewwa l-Irlanda hemm plakka ddedikata għaliha fejn dak ta’ Monsinjur O’ Flaherty.

F’liema postijiet ġiet iffilmjata din is-serje?

Morna ġewwa l-istess kurituri fejn għexu u ħadmu l-istess karattri, dan kien ta’ unur u pjaċir kbir, Ħdimna ġewwa Lascaris War Rooms fejn Christina Ratcliffe, Marigold Pickles u Mike Morris assistew għall-iktar deċiżjonijiet iebsa waqt il-gewrra. Ħdimna ġewwa l-isptar tal-Imtarfa, fl-istess post minn fejn Carmela (Meme) Cortis tant dewwiet midruba u saħansitra ġarbet ġrieħi ħfief minn bomba hekk kif kienet qed tieħu ħsieb tarbija. Erġajna morna ġewwa Strada Stretta li bħala kumpanija huwa post li jibqa’ marbut f’qalbna. Irnexxielna mmorru Ruma u dħalna mill-istess bieb ta’ appartament fejn kienet tgħix Henrietta. Iltaqjna mal-Awtur Ingliż Paul Mcdonald f’Londra li kiteb ħafna dwar uħud min-nisa li se nkunu qegħdin naraw. Iffilmjajna għal darb’oħra ġewwa l-Forti Rikażli grazzi għall-Malta Film Commission, Location li kull darba li mmur nifhem għaliex hija destinzzjoni perfetta għal ħafna diretturi ta’ fama internazzjonali.

Bħala d-direttur u produttur ta’ din il-produzzjoni, x’impatt ħalliet fuqek personali?

Din is-serje ħalliet impatt kbir fuqi l-ewwel u qabel xejn bħala Malti, għaliex huwa wisq importanti li nkomplu niskopru iktar dwar Maltin bħalna li xogħolhom kien seminali biex wasslu għall-vot li ngħata lin-nisa fl-1947; minkejja li dan id-dettal kont nafu, ftit li xejn nista’ ngħid fuq x’kienet il-ħidma u t-tbatijiet li wasslu għal dan.

Tajjeb li ngħid li ma kienet produzzjoni faċli xejn għaliex ir-riżorsi tagħna huma limitati u mhux faċli ssib il-materjal li hemm bżonn biex tmur lura fil-gwerra. Biss biss ħafna binjiet illum qed jiġu restawrati u għalhekk qed jonqsu l-opportunitajiet biex inżommu kollox jidher iktar awtentiku fix-shots li nieħdu. Li hu żgur li se jibqa’ f’qalbi żgur speċjalment għax qarribna ħafna lejn l-esperjenza ċinematografika propja. Inġibdet bi kwalità għolja proprju biex bl-istejjer li għandna nippruvaw nesploraw swieq barranin. Nemmen li f’pajjiżna għandna bżonn li b’kemm għandna saħħa, bħala produtturi nibdew inressqu l-istejjer kbar tagħna f’pajjiżi ħafna ikbar.

.

Kurżità oħra li skoprejna dwar Justin, li ħadd ma jaf, hija li Justin jagħmel l-istoryboards! Għal min mhuwiex familjari magħhom, dawn ikunu tpinġijiet li jpinġu d-diretturi, flimkien ma’ xi direzzjonijiet u djalogi, li jirrappreżentaw ix-xeni li jkollhom ippjanati għas-serie jew film li jkun qed jinħadem. Fi ftit kliem, għad-direttur, dawn ikunu rappreżentazzjonijiet viżwali tal-viżjoni li jkun irid jasal għaliha għall-prodott finali.

Dawn huma l-istoryboards ta’ Justin!

Is-serje The Women of George Cross Island se tibda tixxandar minn nhar il-Ħamis, is-6 ta’ Ottubru, fid-21:00, fuq GO Originals (Tokis) u ONE TV.

Inħeġġuk ukoll tkun parti minn dan il-vjaġġ ġdid ta’ Sharp Shoot Media Ltd, u tagħti r-rispons u s-sapport tiegħek fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tagħhom: thewomenof | Instagram, YouTube, Facebook, TikTok | Linktree

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks