Ilbieraħ filgħaxija ttellgħet għall-ewwel darba is-serata tal-Mvintage Woman of the Year Award, li intrebaħ minn Maria Formosa, mart Bjorn Formosa.

Matul is-sajf li għadda, il-pubbliku kellu ċ-ċans li jivvota għall-Woman of the Year Award, imnedija mill-kumpanija rinomata l-Mvintage. Għal dan il-premju ġew nominati seba’ nisa li jinkludu: Maxine Attard, Gabi Calleja, Shelley Caruana, Angele Cuschieri, Lara Dimitrijevic, Helga Ellul u Maria Formosa. Dawn in-nominazzjonijiet intlagħu tajjeb mal-pubbliku, għall-fatt li b’kollox irċivew 11,000 vot.

Ilbieraħ, intlaħaq il-qofol permezz ta’ serata li ttellgħet apposta biex titħabbar il-mara tas-sena, organizzata mill-istess kumpanija. Mis-seba’ nominazzjonijiet, dan il-premju intrebaħ minn Maria Formosa, mara ta’ pilastru kemm għal żewġha Bjorn u kemm għall- komunità tal-ALS. Mara devota ta’ żewġha, li flimkien miegħu ħadmu bla heda biex jiftħu Dar Bjorn, dar komunitarja residenzjali li tilqa’ nies b’ALS, MS, u kundizzjonijiet newroloġiċi oħra.

Wara l-premjazzjoni, spikka ħafna d-diskors li għamlet Maria: “Nixtieq naqsam dan l-unur man-nisa kollha li hemm id-dar b’pazjenti li ma jaf bihom ħadd. Nixtieq ukoll naqsam dan it-titlu ma’ mara li nammira ghax taħdem ħafna ma’ tfal morda bil-kanċer, Angele Cushieri ta’ Puttinu Cares.”

Ma setax jonqos il-kumment emozzjonali ta’ żewġha Bjorn: “Proset Maria! Bikkejtni!”

It-tim kollu ta’ Skoperta jixtieq jifraħ lil Maria Formosa għal dan il-premju tant mistħoqq. Prosit Maria! Aħna kburin bik!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks