Erbat ijiem ilu, l-Arċisqof Charles Sciclun ċċelebra quddiesa li fiha Patri Manwel Aquilina ġie ordnat saċerdot.

Patri Manwel armel, papà ta’ żewġt itfal u nannu ta’ 3.

Ma’ The People of Malta jistqarr kif it-Tereżjani minn dejjem kienu f’qalbu. “Attendejt l-iskola li huma kellhom Birkirkara. Kif spiċċajt is-sekondarja, bdejt in-novizzjat mat-Tereżjani, Bormla. Dak iż-żmien niftakarni kienu jqaxxrulek xagħrek, il-parti tal-iskutella tar-ras. Kienu bagħtuni nistudja l-filosofija barra, l-Irlanda. Waqt li kont hemm, ġewni l-ewwel dubji jekk inkomplix fit-triq tas-saċerdozju. Iddeċidejt li noħroġ u kont tlabt id-dispensa.”

Meta wasal lura mill-Irlanda, tefa’ ħarstu fuq kollega. “Konna ftehmna li niltaqgħu l-Belt. Jiena nistenna ħdejn il-Wembley u hi ma tfaċċatx. L-għada staqsejtha u qaltli li wara x-xogħol riedet tmur tgħin tnaddaf lill-ġenituri tagħha u ma laħqitx tiġi. Erġajna ltqajna darb’oħra. Ħabbejtha u wasalna biex iżżewwiġna lil xulxin. Maż-żmien skoprejt li kienet tiġi s-sekonda kuġina tiegħi. Jiena u Kathy domna 45 sena miżżewġin u kellna żewġt itfal. Għadni niftakar mal-wild tal-ewwel tifla tagħna ngħid kemm hu twajjeb magħna l-Mulej. Għixna ħajja sabiħa u dejjem issaportjajna lil xulxin. Kellna ħajja trankwilla u kuntenta sakemm mardet.”

It-Tereżjani xorta baqgħu għal qalbu. “Wara li żżewwiġt, lit-Tereżjani m’abbandunajthomx għax dħalt terzjarju magħhom. Kelli żewġ imħabbiet – il-mara u l-Ordni Tereżjana…. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha kienet mardet. Għamilt minn kollox magħha l-isptar. Kont inbati naraha hekk marida. Xogħolha kont nagħmlu jiena u ma jiddispjaċinix. Ħabbejtha u ħabbitni. Issa m’għadhiex tbati u qed tgawdi l-Alla.”

Wara mewt il-mara, daħal Tereżjan novizz, sar djaknu u ftit jiem ilu ħa l-Ordni Sagri. “Hemm persuni li saru saċerdoti ta’ 78 sena? Meta nħares lura hekk ngħid: ‘Il-Mulej għamel miegħi ħwejjeġ kbar. It-tfal issa jissaportjawni ħafna. Inħobbhom ħafna.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks