Ilbieraħ, 3 t’Ottubru, bdiet l-iskeda l-ġdida ta’ TVM; skeda li infetħet bi programm ippreżentat minn Keith Demicoli, bl-isem ta’ TVAM.

Rokna interessanti li żgur it-telespettaturi se jkunu qed jistennew hija dik bl-isem ta’ Poġġi ma’ Keith u tkellem fuq xiex trid.

F’din ir-rokna, li se tibda tkun darbtejn fil-ġimgħa, b’ Keith ipoġġi fuq sufan f’post pubbliku, u jistieden persuna li tkun għaddejja biex tgħid kelma miegħu fuq xiex trid! Fi kliem ieħor taħdita spontanja!

Fl-ewwel filmat tiegħu, Keith b’mod spontanju sejjaħ u stieden individwu li kien ħiereġ mill-Belt.

Ir-raġel, bl-isem ta’ Steve Compagno, qabad jitħaddet ma’ Keith, dwar l-ambjent li tant għandu għal qalbu. Wera x-xewqa li jara l-irħula Maltin u Għawdxin mimlijin aktar ħdura, siġar u arbuxelli fit-toroq tagħna u gallariji mżejna bi fjuri u pjanti; u l-parteċipazzjoni tan-nies fil-qasam tal-iskart, biex ikollna toroq nodfa.

Meta mistoqsi li kieku jkun il-Ministru tal-Ambjent, x’inhuma it-tlett miżuri li huwa jimplimenta, Compagno, issuġerixxa li jkun hemm pjan olisitiku fejn wieħed jara kemm-il siġra tista’ tiġi mħawwla f’ammont ta’ snin u li jkun hemm maintenance tagħhom. Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tad-dixxiplina permezz ta’ infurzar, ħalli kollha kemm aħna ngħixu f’ambjent sabiħ u nadif.

L-aħħar idea li huwa ħareġ biha u li qajla hawn Malta smajna fuqha, kienet dik tal-‘istreet councils’. Huwa spjega kif il-ġirien li jgħixu fl-istess triq, jingħaqdu flimkien biex itejbu l-ambjent tat-triq tagħhom, bl-għajnuna tal-kunsilli lokali u ta’ xi fondi.

Min jaf min se tkun il-persuna li se tkun qed tpoġġi bilqiegħda ma’ Keith u tkellmu fuq xiex trid?! Nistennew u naraw!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks