Angelina Jolie ressqet dokumenti fil-qorti b’akkużi li l-eks raġel tagħha, Brad Pitt, attakka lilha u lil uliedhom waqt li kien fis-sakra, waqt titjira b’ajruplan privat, li hi tgħid li kienet ir-raġuni li wasslitha biex titlob id-divorzju.

F’kawża dwar proprjetà li xtraw flimkien fi Franza, li fiha jipproduċu l-inbid, Jolie qalet li Pitt qabadha minn rasha u attakka tnejn minn uliedhom.

Hija akkużatu wkoll li abbuża verbalment u ferra l-alkoħol fuq il-familja tiegħu waqt it-titjira minn Franza għal Los Angeles.

Brad Pitt ċaħad l-allegazzjonijiet kollha.

L-allegazzjoni ta’ Jolie dwar imġiba abbużiva minn Pitt fit-titjira tal-14 ta’ Settembru tal-2016 ħarġet f’dokumenti preċedenti tal-qorti, inkluż l-arranġament tad-divorzju tal-eks koppja rebbieħa tal-Oscar.

Skont rapport mill-BBC, l-inċident ġie investigat mill-FBI fl-2016, iżda l-awtoritajiet iddeċidew li ma jipproċedux.

iżda dettalji ġodda ġew allegati f’dokumenti ppreżentati mit-tim legali ta’ Jolie, bħala parti mill-kawża li għaddejja bħalissa dwar il-proprjetà tal-inbid.

Pitt jargumenta li hu u l-eks martu kienu qablu li ma jbigħux l-ishma tagħhom fil-post mingħajr il-permess tal-ieħor.

Jolie tikkontesta dan, u twaħħal f’Pitt talli temm in-negozjati dwar ix-xiri tal-ishma tagħha tal-proprjetà.

Il-kontro-ilment tagħha nhar it-Tlieta jgħid li l-attur kien abbużiv fiżikament u emozzjonalment fil-konfront tagħha u s-sitt itfal tagħhom, ta’ bejn it-8 u l-15-il sena dak iż-żmien, waqt it-titjira tal-ajruplan privat.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks