Ilbieraħ ittellgħet it-tieni edizzjoni tal-Malta Animal Honours Awards organizzata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, is-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.
Fost diversi kategoriji, hemm dik tal-aktar voluntier popolari, u din is-sena, rebħet dan il-premju, Christa Cilia.

Żgur li ħafna minnkom, partikolarment intom li tħobbu l-annimali, tafu min hi Christa.
Wieħed jista’ jiddeskrivi lil Christa bħala l-anġlu tal-annimali abbandunati, għaliex minkejja li bħalissa hija qed trabbi s-16-il kelb tagħha, xorta waħda tkun minn tal-ewwel biex tagħti l-għajnuna tagħha meta jibda jiċċirkola xi ritratt jew vidjow ta’ xi kelb jew qattus li qed ibati.
L-aħħar kelb li salvat Christa huwa Sudo, li ġie abbandunat u nstab fi stat ferm gravi. Fost ħafna diffikultajiet f’saħħtu, Sudo huwa nieqes mid-dawl u mis-smigħ.
Bid-dedikazzjoni ta’ Christa għal dawn il-kreaturi, u s-sehem ta’ dawk li dan il-kelb seraq il-qlub tagħhom ukoll, illum Sudo jinsab ħafna aħjar u jgħix f’ambjent sikur u mimli imħabba.
Huwa wkoll l-istess kelb li Christa għażlet li tieħu magħha għaċ-ċerimonja tal-Malta Animal Honours Awards.
Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Christa rringrazzjat lil kull min japprezza x-xogħol li tagħmel mal-annimali abbandunati.
Hija qalet li dan ix-xogħol volontarju, li ilha tagħmlu għal dawn l-aħħar seba’ snin, dejjem għamlitu minn qalbha.
Żiedet tgħid li mhuwiex faċli, anki għaliex minkejja li trabbi s-16-il kelb tagħha, xorta waħda tara kif se ssib ħin għall-innoċenti li jkunu qed ibatu. “Jien hawn għalihom sakemm saħħti tagħtini.”
F’isem it-tim ta’ Skoperta, nawguraw lil Christa għall-premju u nirringrazzjawha għax-xogħol siewi tagħha mal-annimali abbandunati.
