Illum, il-5 t’Ottubru, il-knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ Santa Fawstina. Hija magħrufa għad-dehriet li kellha ta’ Ġesù Kristu, li ispiraw id-devozzjoni Kattolika Rumana lejn il-Ħniena Divina. Fil-fatt hija ingħatat it-titlu ta’ “Segretarja tal-Ħniena Divina”.

Santa Fawstina tas-Sagrament Imqaddes, twieldet fi Glogowiec, ġewwa l-Polonja nhar il-25 ta’ Awwissu 1905, bl-isem ta’ Helena Kowalska. Kienet it-tielet minn 10 itfal minn familja fqira u reliġjuża.

Kellha biss seba’ snin, waqt Espożizzjoni tas-Santissimu Sagrament meta Fawstina ħasset l-ewwel sejħa għall-ħajja reliġjuża. Wara li ġiet imwarba u mċaħda minn diversi kunventi, ta’ 19-il sena hija daħlet fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, f’Varsavja.

Kien fil-lejl tat-22 ta’ Frar 1931, meta Swor Fawstina esperjenzat viżjoni partikolari:

“Filgħaxija xħin kont fiċ-ċella tiegħi, rajt lill-Mulej Ġesù liebes libsa bajda. Id waħda kienet merfugħa f’ġest ta’ barka, l-oħra kienet qiegħda tmiss il-libsa fuq sidru. Minn taħt il-libsa tiegħu li kienet kemmxejn miftuħa fuq is-sider, kienu ħerġin żewġ raġġi kbar, wieħed aħmar, l-ieħor bajdani. Jiena żammejt ħarsti fissa fuq il-Mulej fis-skiet; ruħi kienet mimlija b’sens ta’ qima u ta’ stagħġib, imma wkoll b’ferħ kbir. Wara ftit, Ġesù qalli, Pitter xbiha skont dak li inti qiegħda tara, bil-kliem: Ġesù, jiena nafda Fik. Jiena nixtieq li din ix-xbiha tkun meqjuma, l-ewwel fil-kappella tagħkom, u (imbagħad) fid-dinja kollha.” (Djarju ta’ Swor Fawtina, nru. 47)

Ritratt: passionistnuns.org

Biex timxi mal-istruzzjonijiet ta’ Dun Sopocko, Fawstina niżżlet bil-miktub il-viżonijiet u l-profezija tagħha fi djarju u dawn il-kitbiet mistiċi nqalbu f’ħafna lingwi.

Huwa fatt interessanti li Santa Fawstina ħabbret minn qabel id-data ta’ mewtha li seħħet bil-marda tat-tuberkolożi fil-5 ta’ Ottubru 1938.

Kien il-Papa San Ġwanni Pawlu II, Pollakk bħalha, li f’żogħżitu ħadem ħafna favur il-kawża tagħha, tant li ddikjaraha beata fit-18 ta’ April 1993, u seba’ snin wara, fis-sena 2000 iddikjaraha wkoll bħala l-ewwel qaddisa tal-millenju. Hija l-qaddisa patruna tal-Ħniena.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks