Fl-aħħar avventura tiegħu, Angelo Caruana, li issa huwa magħruf għall-avventuri li kull ħmistax qed jeħodna madwar il-gżira tagħna, se jagħtina togħma tajba ħafna ta’ x’wieħed jista’ jesperjenza minn fuq il-kayak tiegħu.

Din id-darba salpa flimkien ma’ sħabu mill-Bajja ta’ San Tumas, Marsaskala fejn laħqu l-ġmiel ta’ veduta tax-xemx tiela’ minn qalb is-sħab li kompla għamel din ix-xena waħda drammatika u li ma jkollokx aptit li tispiċċa.
Angelo jagħmel referenza għall-attakk fatali minn kelb il-baħar lura fl-1956, fejn żewġ persuni kienu qed jaqsmu bl-għum mill-Bajja tal-Fajtata għan-naħa tal-Munxar, b’wieħed minnhom jispiċċa attakkat mill-kelb il-baħar u baqa’ qatt ma nstab. Jgħid ukoll li kien hemm tlett attakki oħra rapportati f’Malta matul is-snin.

Però ma damux ma kellhom idawwru r-rotta peress li f’daqqa waħda r-riħ inbidel u beda jqum mewġ b’saħħtu li ma ħallihomx ikomplu għad-destinazzjoni li kellhom il-ħsieb jaslu fiha oriġinarjament.
Fittxew żoni iktar kalmi fejn irħewla lejn ż-żona tal-Ħofriet kif ukoll kellhom iċ-ċans fi triqithom lura jżuru għerien mill-isbaħ fiż-żona tal-Munxar, b’għar minnhom fih madwar mitt metru b’formazzjoni ta’ blat naturali unika.

Angelo u sħabu spiċċaw din l-avventura fejn it-tieqa tal-Munxar u b’waqfa qasira f’bajja żgħira li mhijiex daqshekk frekwentata min-nies. Bħas-soltu nistgħu naraw il-ġmiel tal-kosta Maltija mill-baħar.
