F’konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni llum mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tħabbret il-kampanja tat-tilqim.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li bħal ma jaf kulħadd l-influwenza tiġi primarjament darba fis-sena, u bħal kull sena din taħkem l-aktar fl-aktar 3 xhur kesħin.

Din is-sena huwa maħsub li taħkem l-aktar minn nofs Novembru u tibqa’ għaddejja sa Frar. L-iktar influwenza predominanti din ix-xitwa mistennija tkun l-H3N2.

Il-Ministru qal li din mhux l-ewwel darba li d-dinja rat din l-influwenza u fi żmien meta din kienet predominanti kien hemm numru għoli ta’ persuni li kellhom bżonn jieħdu l-kura fl-isptarijiet.

Għaldaqstant, qal li għaddejjin bil-preparamenti fejn qed isir refurbishing ta’ ċerti swali fl-isptar Sir Paul Boffa u se jkunu qed jiżdiedu madwar 60 sodda oħra.

Enfasizza wkoll l-importanza li minkejja li m’hawnx miżuri infurzati bil-liġi, wieħed għandu jibqa’ jaħsel idejh spiss, u jekk ikun ma jiflaħx joqgħod id-dar u meta jkun hemm numru ta’ każijiet għoljin tal-influwenza, jevita milli joqgħod f’postijiet magħluqa ma’ ħafna nies.

Huwa saħaq dwar l-importanza li wieħed jieħu t-tilqima tal-influwenza, anki għaliex huwa qal li ta’ din is-sena se tkun waħda effettiva ħafna.

Il-kampanja tat-tilqim se tibda minn nhar it-Tnejn, is-17 ta’ Ottubru għall-persuni vulnerabbli, u għall-kumplament mill-31 ta’ Ottubru.

Il-Ministru Fearne li jidher li l-Covid-19 m’għadhiex pandemika imma saret endemika. Żied jgħid ukoll li minkejja li kif qed jiġri f’pajjiżi oħra, in-numru ta’ każijiet tiela’ u mistenni jkompli jitla’ minħabba t-temperaturi kesħin, m’hemmx bżonn ta’ miżuri infurzati bil-liġi. Madankollu, wieħed xorta irid jieħu ħsieb li jaħsel idejh spiss u jibqa’ d-dar jekk iħossu ma jiflaħx.

Bħalissa l-varjant ewlieni huwa l-Omicron tat-tip BA4 u BA5 u t-tilqima li se tkun qed tingħata hija speċifikament għal dawn allura se tkun aktar effettiva.

Il-Ministru Fearne wissa li jista’ jkun hemm konsegwenzi serji jekk persuna tieħu l-influwenza u l-Covid-19 f’daqqa għalhekk ħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu t-tilqim.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks